Politika
Il-PN iniedi d-dokument ta’ qabel il-budget: “In-nies fiċ-ċentru, ekonomija b’saħħitha u mħejjija għall-ġejjieni”

Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta d-dokument ta’ qabel il-budget li fih qed jagħmel aktar minn 100 proposta wara konsultazzjoni mal-korpi kostitwiti, oqsma interessati u l-istrutturi interni tal-partit.

Fit-tnedija tad-dokument, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li bħala l-arkitett ewlieni tal-ekonomija moderna ta’ Malta, il-Partit Nazzjonalista hu determinat li jagħti l-kontribut tiegħu billi joffri viżjoni ekonomika fejn in-nies ikunu fiċ-ċentru, u b’ekonomija b’saħħitha li tkun imħejjija għall-ġejjieni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qed iressaq iżjed minn 100 proposta li huma immirati li jħarsu l-ekonomija, n-negozji u l-familji matul iż-żminijiet diffikultużi iżda jmorru wkoll lil hinn mill-kriżi preżenti.

Fit-tnedija tad-dokument ta’ qabel il-budget, Dr Grech qal li fl-aħħar seba’ snin, il-Gvern Laburista llimita ruħu għall-ekonomija li hija ibbażata fuq il-bejgħ tal-passaporti u s-settur tal-kostruzzjoni, bl-influss ta’ ħaddiema barranin li ppruva idabbrilhom rashom meta skattaw l-effetti tal-pandemija. Dr Grech qal li ċ-ċirkustanzi straordinarji ta’ din is-sena għandhom iservu biex l-mudell ekonomiku li nħaddmu jerġa jkun evalwat, partikolarment għax huwa mhedded mill-ħsara li saret għar-reputazzjoni ta’ Malta mill-Gvern Laburista.

F’konferenza tal-aħbarijiet virtwali, il-Kap Nazzjonalista qal li dawn il-proposti m’humiex imsejsa biss fuq buzzwords iżda tfasslu wara analiżi profonda biex il-Partit Nazzjonalista jassigura li l-pajjiż ikun mgħejjun issa u jkompli jissaħħaħ wara l-kriżi tal-pandemija b’ekonomija li taħdem għan-nies u mhux li n-nies jaħdmu għall-ekonomija.

Il-kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista għall-Ekonomija u Finanzi Mario Demarco qal li l-Partit Nazzjonalista qed jibbaża l-proposti fuq ħames pillastri: id-diversifikazzjoni u t-trasformazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-iżvilupp fl-edukazzjoni u t-talent, it-tiġdid ekoloġiku u t-tmexxija bħala governanza. Qal li l-proposti jikkonsistu f’modi kif jissaħħaħ l-appoġġ għall-irkupru ekonomiku, l-investiment fis-setturi ewlenin bħat-turiżmu, il-manifattura, is-servizzi finanzjarji, il-kostruzzjoni, l-agrikoltura, l-ekonomija kreattiva u l-kultura, il-midja u l-ġurnaliżmu.

Dr Demarco qal li l-prijoritajiet immedjati għandhom ikunu salvati l-impjiegi u assigurat id-dħul tan-nies billi tibqa’ sostnuta d-domanda fl-ekonomija ta’ Malta, filwaqt li jingħata l-appoġġ lin-negozji matul dan iż-żmien tal-pandemija. Għal dan il-għan, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li s-suppliment tal-pagi għandu jkun estiż sa mill-inqas sa Marzu tas-sena d-dieħla, jinħarġu it-tieni sett ta’ vouchers u jkun hemm sussidju fuq il-kirjiet kummerċjali.