Lokali
Il-PN irid leġislazzjoni malajr kontra s-SLAPP – il-PL jgħid li qiegħda fuq l-aġenda immedjata tal-Gvern

Il-Partit Nazzjonalista esprima solidarjetà mad-deputat Jason Azzopardi li ntqal qed jiffaċċja kawża SLAPP fil-Bulgarija dwar kummenti li għamel fil-Parlament dwar is-sidien tas-Satabank.

Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li dan hu eżempju ieħor ta’ tattiċi SLAPP li Malta kellha bżonn tilleġiżla kontrieha, speċjalment biex tipproteġi ‘l-ġurnalisti. Żied jgħid li ħames ġimgħat wara l-pubblikazzjoni tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru m’għamel xejn biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet, inkluż biex jipproteġi lill-ġurnalisti mill-azzjonijiet SLAPP.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jrid diskussjoni dwar is-suġġett fil-Parlament malajr kemm jista’ jkun.

Intant, b’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li r-record tal-Gvern fuq ir-riformi leġiżlattivi u favur governanza iktar b’saħħitha jwieġeb l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista. Stqarrija tal-Partit Laburista qalet li din il-ġimgħa stess il-Prim Ministru iddikjara li r-riforma kontra SLAPP qiegħda fuq l-aġenda immedjata tal-Gvern u azzjoni ta’ dan it-tip hi kundannabbli dejjem, issir kontra min issir. Intqal li bħal kull riforma oħra li kienet imwiegħda din tiġi implimentata wara diskussjoni u konsultazzjoni biex ir-riżultat ikun wieħed tajjeb.