Politika
Il-PN irid li jiġi rtirat l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar l-Interpretazzjoni

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni se tkun qed tivvota kontra l-abbozz ta’ liġi li ressaq il-Gvern biex jemenda l-Att dwar l-Interpretazzjoni minħabba li dan jikser il-Kostituzzjoni u jġib fix-xejn id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq ta’ kull ċittadin.

Il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina qal li b’dawn l-emendi l-Gvern se jkun jista’ jagħti multi meqjusa bħala sanzjoni kriminali minn awtoritajiet amministrattivi, li jistgħu jkunu maħtura direttament mill-Prim Ministru u mill-Ministri bħala persuni ta’ fiduċja.

Qal li l-Qorti Kostituzzjonali diġà stqarret f’diversi okkażjonijiet li multi kbar meqjusa bħala piena kriminali, jistgħu jingħataw biss minn Qorti preseduta minn Imħallef u Maġistrat u bis-salvagwardja tad-dritt għal smigħ xieraq fil-proċedura kollha.

Il-Kelliem għad-Drittijiet Umani u l-Governanza Tajba Therese Comodini Cachia qalet li l-Gvern se jsib lill-Oppożizzjoni tiqaflu. Qalet li f’Ottubru li għadda kien tressaq abbozz ieħor li jemenda liġi li iżda biex tinbidel kien hemm bżonn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Parlament, u issa tressaq abbozz ieħor biex il-Gvern idaħħal emendi simili b’liġi li teħtieġ biss maġġoranza sempliċi.