Politika
Il-PN isaqsi min se jerfa’ responsabbiltà għar-rapport tal-Moneyval – il-Gvern iwieġeb

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-finanzi, Mario de Marco, staqsa minn se jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-konklużjonijiet tar-rapport tal-Moneyval.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Dr de Marco kkwota wħud mill-konklużjonijiet tar-rapport, fosthom li l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati tal-ħasil ta’ flus mhumiex ta’ prijorità għall-awtoritajiet Maltin.

Il-kelliem Nazzjonalista qal li dan mhux riżultat ta’ żjara b’sorpriża mill-esperti tal-Moneyval, għax il-Gvern kien ilhom jafu li l-esperti tal-Moneyval ġejjin biex jagħmlu spezzjoni dwar ir-riżorsi ta’ Malta fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus. Qal li aktar minn hekk il-Gvern kien jaf bl-ewwel abbozz sa minn Marzu li għadda.

Dr de Marco qal li r-rapport se jkollu konsegwenzi għar-reputazzjoni ta’ Malta bħala ċentru ta’ servizzi finanzjarji serju, li fuqu jiddependu eluf ta’ impjiegi. Qal li l-Gvern għandu jgħid bl-aktar mod trasparenti x’se jagħmel biex jindirizza n-nuqqasijiet indikati f’dan ir-rapport.

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, is-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazzjoni, Kristy Debono, qalet li r-rapport tal-Moneyval jagħmilha ċara li l-problema ta’ Malta mhumiex il-liġijiet jew nuqqas tal-awtoritajiet, imma n-nuqqas ta’ ħeġġa biex l-awtoritajiet jaħdmu kif suppost.

Il-kelliema qalet li minħabba dawn in-nuqqasijiet, Malta tpoġġiet fuq lista sewda proviżorja u għandha tnax-il xahar biex il-problemi jiġu indirizzati, inkella titpoġġa fuq il-lista sewda.

B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Oppożizzjoni, il-Gvern innota li l-Oppożizzjoni lanqas biss qrat li l-Gvern ħareġ komunikat li diġà qed jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet li l-istess aġenzija għamlet.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li mit-58 miżura proposta mill-istess Moneyval, diġà ġew imwettqa 35%, li anke kienu parti mill-Pjan ta’ Strateġija li għamel il-Gvern fl-2017, u qal li se tkompli ssir ħidma sabiex ikunu implimentati l-kumplament tal-miżuri proposti sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

Il-Gvern qal li l-problema tal-Oppożizzjoni hija li ma għandha l-ebda kredenzjali sabiex titkellem fuq dan il-qasam u fuq l-oqsma kollha.

Ara wkoll:

L-FIAU tgħid li 90% tar-rakkomandazzjonijet tal-Moneyval diġà ġew implimentati

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-kelliem tiegħu Edwin Vassallo wera tħassib li fi kliemu għexieren ta’ bdiewa se jiġu żgumbrati mill-għelieqi tagħhom biex issir estensjoni tal-miżbla fil-Magħtab. Huwa qal dan wara l-avviż…

Politika

Waqt laqgħa f’Kastilja mal-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-prijorità tal-Gvern hi li jżid l-għadd ta’ nisa fil-Parlament, u li jara sehem iktar attiv tan-nisa fil-ħajja…

Saħħa

Walking Malta huwa proġett ta’ riċerka li ilu għaddej sentejn mill-Istitut tal-Università dwar it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli bl-appoġġ tal-Kunsilli Lokali ta’ Msida, Gżira, Birkirkara u San Ġwann. Permezz ta’…

Kronaka

Tliet impjegati f’ħanut tad-divertiment f’Paceville ġew akkużati li taw xebgħa lil raġel Afrikan u ħallewħ ferut gravi. Il-każ seħħ nhar il-Ħadd li għadda. Yermakov Mykhailo, Stepan Stankov u Dorde Dudic ġew…

Aktar