Aġġornat: il-PN isejjaħ biex it-taxxa fuq it-turiżmu tiġi posposta għal Novembru

Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-kelliem tiegħu għat-turiżmu Antione Borg ikkritika dak li sejjaħ nuqqas ta’ konsultazzjoni wiesgħa dwar l-introduzzjoni tat-taxxa fuq t-turiżmu u sejjaħ biex l-introduzzjoni ta’ din it-taxxa tiġi posposta għal Novembru. Qal li dan huwa meħtieġa biex l-operaturi jifhmu kif ser titħaddem u jaddattaw għaliha.

Is-Sur Borg qal li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex kontra l-kontribuzzjoni ta’ 50 ċentezmu għal kull lejl sa massimu ta’ €5 kull turist iżda ma jistax jaċċetta kif din it-taxxa se tiġi implimentata.

Huwa wera tħassib li din ser tħalli impatt ħażin fuq min jaħdem fis-settur tat-turiżmu. Il-kelliem qal li l-Oppożizzjoni ma ġietx konsultata u talab li jkunu konsultati l-operaturi kollha biex kulħadd ikun jista’ jispjega l-pożizzjoni tiegħu u anki jsiru l-proposti dwar kif din għandha titħaddem.

Il-Ministru għat-Turiżmu wieġeb fi stqarrija li l-Gvern huwa deċiż li mill-ewwel ta’ Ġunju jimplimenta l-kontribuzzjoni ambjentali. Qal li din ser tmur għal proġetti ta’ tisbieħ taż-żoni turistiċi stess.

Il-Ministru sostna li fuq l-introduzzjoni ta’ din l-kotribuzzjoni, il-Gvern ħadem mal-Assoċjazzjoni tal-lukandiera l-MHRA li tirrappreżenta aktar minn 70% tal-akkomodazzjoni tal-industrija turistika.

Żied jgħid li l-entitajiet kollha li jirrappreżentaw operaturi turistiċi kienu ddikjaraw li jaqblu mal-introduzzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni u saru laqgħat ta’ konsultazzjoni b’mod ġenerali mal-industrija kollha.