COVID-19
Il-PN iwaqqaf tim ta’ azzjoni dwar il-Covid-19

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar li se jwaqqaf tim tA’azzjoni li qal se jaħdem bla waqfien biex jiltaqa’ mal-korpi kostitwiti bl-għan li jitħejja pjan dwar il-Covid f’Malta. Dr Grech staqsa fejn jinsab il-Prim Ministru Robert Abela biex jieħu azzjoni u jserraħ ras il-poplu fl-isfont taż-żieda fil-każi ta’ persuni nfettati bil-Coronavirus.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa wkoll kif il-Prim Ministru mhuwiex iserraħ moħħ l-għalliema, il-ġenituri, l-istudenti, is-sidien tal-ħwienet biex jaraw li l-bejgħ ma jintilifx anke għal Milied u x’responsabilità se jerfa’ dwar dak li ġralhom l-anzjani fl-aħħar ġimgħat. Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Gvern jinsab f’paniku u sostna li l-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm biex jagħti alternattiva u tama lin-nies.