Propjetà
Il-PN jakkuża lill-Gvern b’indifferenza lejn inkwilini żgumbrati, il-Gvern iwieġeb

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern huwa indifferenti għall-inkwiet kbir ta’ eluf ta’ inkwilini li se jispiċċaw żgumbrati minn djarhom.

Fi stqarrija mill-kelliema Jason Azzopardi u Ivan Bartolo ntqal li l-Oppożizzjoni kienet tkellmet dakinhar stess li fil-bidu ta’ Diċembru ngħatat sentenza ta’ żgumbrament u stiednet lill-Gvern jaħdem biex iserraħ mohh l-eluf ta’ inkwilini li se jintalqtu minn din is-sitwazzjoni.

B’reazzjoni, il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali qal fi stqarrija, li l-Gvern huwa l-uniku wieħed li bil-fatti qed jgħin lil dawk l-individwi li qegħdin f’kera residenzjali u li ġew affettwati mis-sentenza tal-Qorti.

Intqal li l-Gvern qed jgħin lil dawn il-familji billi fost l-oħrajn jagħtihom kumpens talli għoliethilhom il-kera; filwaqt li l-Awtorità tad-Djar qed issegwi mill-qrib dawn il-każijiet u qed tfassal aktar miżuri f’dan ir-rigward.