Lokali
Il-PN jakkuża lill-Gvern b’nuqqas ta’ ppjanar fis-saħħa sesswali

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-gvern mhux jagħti każ l-impatt negattiv li qed ikollu n-nuqqas ta’ ppjanar fil-qasam tas-saħħa sesswali.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, it-tabib Stephen Spiteri qal li dan il-qasam baqa’ ma ssemmix lanqas fil-budget għas-sena d-dieħla. Huwa qal li l-istrutturi tal-miżuri u s-servizzi fil-qasam tas-saħħa sesswali għandhom għaxar snin b’lura u mhumiex aġġornati.

Qal li jeħtieġ investiment finanzjarju u fir-riżorsi umani biex il-pubbliku jkun moqdi kif suppost. Huwa qal li ż-żieda fin-numru ta’ infezzjonijiet trasmessi sesswalment hija allarmanti u semma kif GU clinic wieħed biss fil-pajjiż ma jistax ilaħħaq ma’ poplu ta’ nofs miljun ruħ.

Qal li jiġu rreġistrati ħames każi kull xahar ta’ HIV, u appella biex tiżdied l-edukazzjoni u l-prevenzjoni dwar il-mard trasmess sesswalment. Fil-konferenza tal-aħbarijiet ħadu sehem ukoll il-kandidati Emma Portelli Bonnici u Ivan Vassallo Hagi, li tkellmu dwar kif il-Partit Nazzjonalista bil-proposti tagħhom għal dan il-qasam qed jagħti priorità fl-investiment biex ikun assigurat li s-servizzi dwar is-saħħa sesswali jkunu jirriflettu r-realtajiet tal-ġurnata.