Relazzjonijiet Industrijali
AĠĠORNAT: Il-PN b’appell fuq il-leave tal-kwarantina tal-Pulizija, il-PL iwieġeb

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-gvern qed jirrifjuta li jitratta lill-Pulizija b’dinjità u rispett.

Fi stqarrija maħruġa mill-kelliem Nazzjonalista għall-Intern, Beppe Fenech Adami, intqal li membri tal-korp li jispiċċaw milquta mill-pandemija qed ikollhom joħorġu bis-sick leave minflok b’leave tal-kwarantina.

Il-Partit Nazzjonalista esprima solidarjetà mal-Pulizija u appella lill-Prim Ministru biex jisma’ mir-rappreżentanti u l-unions tal-Pulizija fit-talbiet ġusti tagħhom.

Fi stqarrija b’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li kien Gvern Laburista li ta d-dinjità lill-membri tal-Korp tal-Pulizija permezz ta’ miżuri li ttieħdu fl-aħħar snin.

Fost dawn semma l-għoti tad-dritt tal-Pulizija li jissieħbu f’unjin, l-introduzzjoni ta’ ftehim settorjali li bih il-pulizija bdew jitħallsu tas-sigħat kollha fuq l-40 siegħa, skema ta’ assikurazzjoni f’każ ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol, u l-ħlas tal-overtime b’lura dovut lill-pulizija minn żmien Gvern Nazzjonalista.