Budget2021
Il-PN jappella biex titwaqqaf taqsima li tħares lil dawk f’riskju ta’ faqar u lill-persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex titwaqqaf taqsima li tħares lil madwar 83,000 persuna li jinsabu f’riskju ta’ faqar u lil aktar minn 300 persuna li m’għandhomx saqaf fuq rashom.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali, il-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali Ivan Bartolo qal li stħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juri li d-distakk fid-dħul bejn min jaqla’ ħafna u min jaqla’ ftit qed jikber. F’dan il-kuntest tressqet il-proposta tal-living income li tiżgura dħul diċenti għal kulħadd.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, il-Kultura u l-Midja Therese Comodini Cachia qalet li l-protezzjoni tal-ġurnalisti minn kull xkiel jeħtieġ tiġi żgurata. Dwar il-kultura hija qalet li l-PN se jibqa’ jinsisti li jkun hemm investment fil-protezzjoni tal-wirt kulturali u fis-setturi kreattivi u kulturali.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali u l-Komunitajiet Karl Gouder qal li l-Kunsilli Lokali għandhom rwol kruċjali fil-qasam tal-wirt kulturali u l-arti u ħeġġeġ biex jitnieda fond minn fejn il-Kunsilli jkunu jistgħu jużaw fondi biex jidħlu f’proġetti ta’ fejda għall-wirt kulturali.

Il-Kunsillier tal-PN f’Wied il-Għajn Errol Cutajar qal li rridu nissaħħu flimkien għax il-benefiċċji mressqa fil-baġit jindirizzaw biss l-immedjat u jippermettu biss li l-persuna tibqa’ fl-istess stat li tinsab fih.