Politika
Il-PN jappella lill-Gvern biex jgħin lill-għaqdiet, klabbs sportivi u każini – il-Gvern iwieġeb

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex jagħti għajnuna lill-għaqdiet, każini, klabbs sportivi u organizzazzjonijiet volontarji fid-dawl tal-Covid-19.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport tul Ħajjitna, il-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità, Robert Cutajar, intqal li  kważi tliet xhur ilu l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna semma din l-għajnuna fil-Parlament.

Is-Sur Cutajar qal li dawn l-għajnuniet kienu jikkonsistu f’talbiet għall-għajnuna fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll ukoll eżenzjonijiet fuq ħlasijiet jew kontijiet oħra dovuti lill-Gvern relatati ma’ kirjiet u/jew miżati ta’ affiljazzjoni.

Fakkar li dawn il-proposti intenzjonati biex iwieżnu lil dawn l-entitajiet kienu tressqu minnu f’isem l-Oppożizzjoni f’April li għadda. Żied li meta jiġu mħabbra protokolli mill-Gvern, dawn għandu jkollhom sens ta’ prattiċità u bilanċ.

Il-Gvern iwieġeb li saru sessjonijiet ta’ informazzjoni u l-flus bdew jitqassmu

B’reazzjoni, il-Gvern qal li permezz tal-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat, organizza diversi sessjonijiet ta’ informazzjoni kemm f’Malta u anki f’Għawdex mal-għaqdiet volontarji dwar l-allokazzjoni ta’ €3 miljun. Qal li din l-allokazzjoni kopriet spejjeż relatati ma’ mpjiegi, kontijiet tad-dawl u ilma u spejjeż relatati ma’ servizzi li ngħataw waqt il-pandemija.

Barra minn hekk sar fond ta’ emerġenza li kkumplimenta miżuri oħra biex isostnu lil dawn l-għaqdiet fiċ-ċirkostanzi straordinarji, u diġà bdew jitqassmu flus minn dan il-fond. Qal li apparti dan, il-Gvern żamm il-wegħda li jgħin lill-għaqdiet sportivi fuq kirjiet li jħallsu lil SportMalta, fejn għaqdiet sportivi bdew jirċievu ittri individwali bi spjegazzjoni tal-proċess.

Sostna li f’dawn l-aħħar ġimgħat saru diversi laqgħat bejn il-Gvern u l-partijiet interessati biex il-kompetizzjonijiet ikomplu. Fil-fatt, numru ta’ attivitajiet sportivi baqgħu għaddejjin wara li saru r-risk assessments, fosthom ir-Regatta tat-8 ta’ Settembru, il-Kampjonat tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel, u l-kampjonati lokali tal-Għawm u Waterpolo.

Barra minn hekk, wara diskussjonijiet mas-Segretarjat Parlamentari għall-Isport u mad-Dipartiment tas-Saħħa, intqal li SportMalta fetħet komunikazzjoni diretta mal-għaqdiet sabiex jiġi assigurat li l-isport jitkompla f’ambjent sigur.