Kunsilli Lokali
Il-PN jappella lill-Gvern biex ma jkomplix jieħu r-responsabbiltajiet tal-Kunsilli

Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kelliem għall-Kunsilli Lokali, Robert Cutajar, sejjaħ lill-Gvern biex ma jkomplix ineżża’ lill-Kunsilli minn aktar responsabbiltajiet, wara li tħabbar li anke s-swieq fil-beraħ mhux se jibqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli.

Fi stqarrija, is-Sur Cutajar qal Ministru wara ieħor donnhom jinsabu f’kompetizzjoni dwar min minnhom huwa l-iżjed kapaċi li jieħu l-iktar responsabilitajiet mingħand il-Kunsilli Lokali u jgħaddihom lura għand il-Gvern. Qal li l-Gvern mhux biss qed jieħu aktar responsabilitajiet mingħand il-Kunsilli Lokali, iżda lanqas biss qed jikkonsulta magħhom u qed jinjorhom.

Il-Kelliem Nazzjonalista qal li fl-aħħar sena l-Kunsill spiċċaw mingħajr ir-reponsabbiltà tal-gwardjani lokali, tat-toroq u mwarrba mit-tqassim tal-kontenituri tal-iskart riċiklat.

Is-sur Cutajar qal li f’dan l-isfond ir-riforma li qed jipproponi l-Gvern għall-Kunsilli Lokali ma tagħmilx sens.