Partit Nazzjonalista
“Il-PN jemmen bis-sħiħ fid-dritt tal-ħajja mingħajr l-ebda distinzjoni” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li ma jistax ikun ittollerat li pajjiżna jibda jiġi assoċjat mar-razzismu. B’referenza għall-qtil ta’ Lassana Cisse, Dr Delia qal li s-soċjetà qed tinbidel b’mod drastiku fosthom bir-razzismu li qal qiegħed jinbet naqra naqra.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li mhux aċċettabbli l-fatt li kollox jindika li l-qtil ta’ Lassana Cisse kien motivat mir-razzismu. F’attività politika fis-Siġġiewi, Dr Delia qal li waqt li dejjem għandha tiġi rispettata l-presunzjoni tal-innoċenza, sostna li ma jistax ikun ittollerat li Malta tiġi assoċjata mar-razzismu. Qal li s-soċjetà qed tinbidel u qed jinbet ir-razzismu. Enfasizza li aħna lkoll bnedmin u l-kulur tal-ġilda m’għandhiex tagħmlilna differenza. Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni talbet li ssir inkjesta indipendenti awtonoma sabiex tistabbilixxi kif u meta sar l-ingaġġ fi ħdan il-Forzi Armati tas-suldati akkużati b’dan id-delitt u jekk dan il-qtil setax jiġi evitat.

Dr Delia qal li qabel ma jkun hemm il-fatti kollha ċari, il-Gvern ma jistax jeżenta ruħu minn kull responsabbilità. Sostna li lanqas mhu aċċettabbli li kelliem tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru ipprova jippolitiċizza ħaġa gravi bħal din. Qal li quddiem dan kollu ma jistax ikollna Prim Ministru li jgħid li Malta hi sigura u stieden lin-nies jistaqsu jekk Malta għadhiex sigura kif kienet għaxar snin ilu.

De Delia qal li l-politika tal-Partit Nazzjonalista fuq l-immigrazzjoni hi li jħares id-drittijiet fundamentali tal-bnedmin kollha, ikun ġust ma’ dawk li jixirqilhom protezzjoni, sod ma’ dawk li mhux eleġibbli għall-protezzjoni u ħarx ma’ dawk li qed jinqdew min-nies vulnerabbli. Huwa ringrazzja lill-Forzi Armati u l-Korp tal-Pulizija li qal ta’ kuljum jissugraw ħajjithom u jikkumbattu l-elementi biex isalvaw persuni bħalna.

Dr Delia qal li dan hu Gvern tilef ir-ruħ soċjali u ma jimpurtahx mit-72,000 persuna li qegħdin f’xifer il-faqar, fiż-żgħażagħ li jixtiequ jixtru djarhom, fil-pensjonanti li jixtiequ jgħixu ħajja dinjituża, fil-professjonisti li qal qed isibu diffikultà għax ir-reputazzjoni ta’ Malta tnawret. Dr Delia qal li l-Partit Laburista ffirma l-manifest tas-Soċjalisti Ewropej li jgħid li għandu jkun hemm sistema tat-taxxa waħda u b’hekk ħafna impjiegi fil-pajjiż ikunu f’riskju.

B’messaġġ lil votanti li għadhom indeċiżi joħorġux jivvutaw, Dr Delia qal li jekk ma jivvotawx jkun qed jgħid iva għal Gvern korrott, Gvern li ma jimpurtahx, li jbigħ l-isptarijiet, li ma jsirx investiment fl-edukazzjoni, li jirrovina t-taxxa tal-pajjiż.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Studju internazzjonali wera li l-każi li l-kanċer tal-għonq tal-utru qegħdin jonqsu drastikament tant li hu maħsub li din il-marda tista’ tiġi eradikata. Dan huwa grazzi għat-tilqima li tingħata lit-tfajliet kontra…

Tfal

Skont l-aġenzija appoġġ, madwar mitt tifel u tifla ngħataw għall-kura għand foster carers wara talba mill-ġenituri tagħhom stess minħabba li spiċċaw f’diffikultajiet fosthom mard serju jew spiċċaw bla saqaf fuq…

Edukazzjoni

L-edukazzjoni ma tieqafx mal-età obbligatorja! Id-Direttorat tat-Tagħlim Tul il-Ħajja beda jilqa’ applikazzjonijiet mingħand adulti li fis-sena skolastika li jmiss jistgħu jsegwu xi wieħed minn 450 kors, kemm f’oqsma akkademiċi kif…

Kronaka

Il-Pulizija jidher li tinsab viċin li ssolvi omiċidju li jmur lura ħdax-il sena. Il-każ jitratta tfajla li ilha rappurtata nieqsa mill-2008 u minn investigazzjonijiet li saru fl-aħħar jiem irriżulta li…

Aktar