Politika
Il-PN jgħid li Edward Scicluna żied il-paga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali ftit qabel ma ħa l-kariga

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Professur Edward Scicluna żied il-paga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali ftit qabel ma hu stess ħa din il-pożizzjoni.

Fi stqarrija mill-Kelliem Nazzjonalista Mario Demarco ntqal li ż-żieda tammonta għal €11,000 fis-sena u li ftit qabel ma ħa l-kariga, il-Professur Scicluna kien informa lill-predeċessur tiegħu li l-paga annwali tal-Gvernatur ma kinitx se tinbidel minn €89,000 matul it-terminu ta’ ħames snin.

Intqal li sal-lum il-gvern għadu ma qalx kemm se jkun il-pakkett finanzjarju li se jingħata lill-Professur Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jittama li dan il-kumpens japplika għall-bqija tal-ħaddiema kollha tal-Bank Ċentrali ta’ Malta mingħajr ebda distinzjoni.