Politika
Il-PN jgħid li Għawdex ġie minsi għax ingħata 2.8% min-nefqa tal-baġit

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li minkejja l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Ministru għal Għawdex dwar il-budget għas-sena 2022, skont hu Għawdex ġie minsi totalment mill-Ministru għall-Finanzi u l-Gvern Laburista.

Il-kelliem Nazzjonalista għal Għawdex, Chris Said, qal li filwaqt li skont hu l-Ministru Camilleri ftaħar bil-vot kapitali għal Għawdex, fil-verità Għawdex qed jingħata biss 2.8% tan-nefqa kapitali tal-pajjiż kollu. Skont il-kelliem, in-nefqa kapitali għal Għawdex hija miżera meta wieħed jikkunsidra li Għawdex għandu territorju li jġib it-terz ta’ Malta u li jridijkampa mal-insularità doppja.

Il-kelliem Nazzjonalista qal li filwaqt li l-Partit Laburista kien wiegħed xogħol għall-Għawdxin kollha f’Għawdex stess, fil-verità l-Għawdxin li jaħdmu Malta huma tliet darbiet aktar milli kienu fl-2013. Qal li dan qed jiġri għax il-Gvern f’Għawdex ħoloq biss skemi ta’ xogħol prekarju bil-paga minima u xogħlijiet ma’ kuntratturi li joffru servizzi lill-Gvern, u li ma nħoloq l-ebda xogħol produttiv u b’pagi tajbin.

Il-kelliem Nazzjonalista qal li l-Ministru Camilleri ħarab milli jitkellem fuq proġetti importanti, fosthom l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u bini ta’ sptar ġdid li suppost kellu jkun lest f’ Ġunju 2018. Qal ukoll li l-budget għas-sena 2022 ma jsemmi l-ebda miżura jew inizjattiva fuq il-biedja u s-sajd f’Għawdex – żewġ oqsma tant importanti fl-ekonomija Għawdxija u li qed imutu ftit ftit.