COVID-19
Il-PN jgħid li l-Gvern għandu jiddikjara stat ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jiddikjara stat ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri, qal li din id-dikjarazzjoni tagħti iktar setgħat lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fosthom biex tikkontrolla l-imxija. Dr Spiteri qal li biż-żieda fil-każi attivi qed issir pressjoni fuq is-servizzi tas-saħħa fosthom fuq it-Taqsima għall-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei u fuq il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Isptar is-Sammaritan it-Tajjeb f’San Pawl il-Baħar, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Anzjani, Maria Deguara, appellat lill-Gvern biex jassigura li l-anzjani f’dan l-isptar qed jingħataw l-aqwa kura biex ifiqu mill-virus. Dr Deguara qalet li qed tirċievi lmenti mill-qraba tal-anzjani residenti f’dan l-isptar fosthom li l-kmamar huma żgħar u li m’hemmx distanza adekwata bejn is-sodod tal-pazjenti.