Lokali
Il-PN jgħid li l-politika barranija ta’ Malta għandha tkun komuni

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-politika barranija ta’ Malta għandha tkun waħda komuni għax ikun żball politiku li dan il-qasam isir kamp tal-battalja. Il-kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet Barranin, Carmelo Mifsud Bonnici, f’konferenza tal-aħbarijiet qal li l-Oppożizzjoni tistenna wkoll li jkun il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej li jmexxi l-isforzi ta’ Malta biex toħroġ mill-lista l-griża tal-FATF.

Flimkien mad-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar, Dr Mifsud Bonnici qal li Malta għandu jkollha preżenza fiżika b’ambaxxata fil-Brażil, fl-Amerka t’Isfel, fejn għad m’hemmx preżenza tad-diplomazija Maltija, l-istess kif għandu jkun hemm ambaxxata fl-Etijopja. Qal ukoll li wasal iż-żmien biex tinfetah Kummissjoni Għolja fil-Kanada, fejn hemm ukoll preżenza ta’ Maltin u dixxidenti Maltin.

Intqal li l-ħatriet ta’ ambaxxaturi għandhom isiru mill-korp diplomatiku, li huwa mogħni b’persuni mħarrġa għall-ħidma diplomatika.