Politika
Il-PN jgħid li l-proċess għall-inċineratur tal-Magħtab huwa vvizzjat

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Magħtab il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar u Karl Gouder sostnew li l-Gvern reġa’ nqabad fi proġett ivvizzjat ieħor tal-inċeneratur fil-Magħtab. Qalu li kienet l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li sabet li min ħadem fuq ir-rapport dwar l-impatt ambjentali kellu konflitt ta’ interess, allura issa ser jinbeda kollox mill-ġdid bi spejjeż ġodda għall-poplu Malti.

Il-kelliema staqsew minn ser jieħu responsabbiltà politika u għala l-Gvern mhux qed jikkonsulta mal-Kunsilli Lokali u dawk interessati biex il-proġett isir aħjar u bl-inqas impatt possibbli. Qalu li l-Gvern qed imur għal proġett kbir u staqsew għala l-pajjiż ma jagħżilx il-landfill mining system biex l-impatt ikun ferm anqas, filwaqt li jinkisbu l-istess riżultati.

Id-deptutati Nazzjonalistia fakkru li jekk isir l-inċeneratur mingħajr l-istudji meħtieġa jista’ jkun hemm impatt fuq l-ambjent marittimu, filwaqt li sejħu biex dan il-proġett ikun diskuss fil-Parlament. Huma qalu li meta ssir konsultazzjoni l-proġett jittejjeb u jħalli l-anqas konsegwenzi fuq l-inħawi u n-nies li jgħixu fil-madwar.