Politika
Il-PN jgħid li l-Pulizija għandha taġġorna lill-pubbliku wara li tkellmet ma’ Dr Muscat

Il-Kelliem għall-Oppożizzjoni u għall-Intern, Beppe Fenech Adami, qal li l-poplu għandu jinżamm infurmat u aġġornat b’dak li seħħ wara l-interrogazzjoni tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat nhar il-Ġimgħa fid-Depot tal-Pulizija.

Fi stqarrija, Dr Fenech Adami qal li f’pajjiż normali meta jkollok ex Prim Ministru interrogat fuq każ ta’ qtil ta’ ġurnalista, ikunu l-Pulizija li jinfurmaw lill-pubbliku b’dan l-iżvilupp.

Il-kelliem Nazzjonalista esprima tħassib li 4 ijiem mindu ġie interrogat Dr Muscat, il-Pulizija għadhom ma qalu xejn, u qed jitlob li jingħata tagħrif lill-pubbliku biex iserraħ rasu li dawk involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ssir ġustizzja magħhom.