Konsumatur
Il-PN jgħid li Malta għandha l-ogħla prezz tal-fuels fl-Unjoni Ewropea

Il-Kelliem Nazzjonalista għall-Enerġija, Konservazzjoni u Immaniġġjar tal-Ilma, Ryan Callus, tenna li l-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex b’mod immedjat iraħħas il-prezzijiet tad-diesel u l-petrol bi 30 ċenteżmu. Is-Sur Callus ikkwota statistika tal-Unjoni Ewropea li turi li Malta għandha l-ogħla prezz tal-fuels fl-Unjoni Ewropea. Sostna li l-konsumaturi Maltin qed iħallsu 25 ċenteżmu iżjed mill-medja Ewropea għal kull litru petrol u 21 ċentezmu iżjed għad-diesel.

Il-Kelliem Nazzjonalista għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, Hermann Schiavone, qal li f’ħafna pajjiżi Ewropej il-prezzijiet tal-fuel naqsu mindu bdiet il-pandemija u sostna li f’Malta l-Gvern qed jisraq lill-poplu.

Il-Kelliem Nazzjonalista għat-Trasport, Toni Bezzina, appella lill-Gvern biex jiżdiedu l-prekawzjonijiet kontra l-pandemija ħalli iktar nies jużaw il-karozzi tal-linja.