Politika
Il-PN jgħid li min ħallas biex joqgħod kwarantina f’lukanda għandu jiġi rifondat

Il-Partit Nazzjonalista rrefera għal dak imħabbar illum mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, fejn residenti f’Malta mhux se jibqgħu jiġu ordnati jagħmlu kwarantina f’lukanda, iżda jistgħu joqgħodu f’darhom.

Qal li d-deċiżjoni tal-Gvern illum li jwaqqaf il-kwarantina fil-lukandi tikkonferma li d-deċiżjoni inizjali kienet arbitrarja u mhux ibbażata fuq bżonn ta’ saħħa pubblika.

Il-PN saħaq li dawk il-mijiet li ntbagħtu fil-lukanda inġustament meta dawn kellhom residenza privata f’Malta stess għandhom jingħataw rimbors tal-ispejjeż.

Qal li fin-nuqqas ta’ dan, Gvern ġdid Nazzjonalista ser jikkunsidra talbiet ta’ persuni li batew spejjeż bħal dawn inġustament bħala inġustizzji li qal jiġu indirizzati b’kumpens xieraq.