Lokali
Il-PN jgħid li n-nies li ħallsu żejjed għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma mhux se jingħataw rifużjoni

Il-Partit Nazzjonalista qal li n-nies li ħallsu żejjed għall-kontijiet tad-dawl baqgħu b’xiber imnieħer għax il-Ministru tal-Finanzi naqas milli jagħtihom rifużjoni fil-budget għas-sena d-dieħla.

F’konferenza tal-aħbarijiet virtwali, il-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista, Peter Agius, qal li fil-kontijiet tad-dawl hemm moħbija serqa li minnha, qal qed ibati l-poplu. Dr Agius tenna l-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li jħallas lura €50 miljun lin-nies li qal sfaw misruqa mill-Gvern permezz tal-kontijiet tad-dawl.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija, Ryan Callus, irrefera għall-ilmenti li qal waslu għand il-Partit Nazzjonalista dwar kontijiet tad-dawl li sejjaħ esaġerati. L-Inġinier Callus semma kif familja ta’ erbgħa ħallset €270 żejda għall-kontijiet tad-dawl li jkopru l-perjodu meta Malta ntlaqtet minn mewġa ta’ sħana.

Il-Kandidat Nazzjonalista, Mark Anthony Sammut, qal li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jirrevedi l-kuntratti tax-xiri tal-elettriku u tal-gass; filwaqt li rrefera għall-proposti tal-Partit f’dan is-settur fosthom investiment fin-network tad-distribuzzjoni tal-Enemalta, l-installazzjoni tat-tieni interconnector u l-bini ta’ wind farm fuq il-baħar.