Politika
Il-PN jgħid li proġetti fuq art ODZ iridu l-approvazzjoni tal-Parlament

F’konferenza tal-aħbarjiet f’Marsaskala, il-kelliem Nazzjonalista Peter Agius qal li jekk jiġi elett il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jiżgura li ma jsir ebda żvilupp fuq art ‘il barra mill-konfini tal-iżvilupp.

Huwa tenna dak li qal il-Kap tal-Partit Bernard Grech meta wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista ser jassigura li jkun il-Parlament li għandu jiddeċiedi b’żewġ terzi fuq proġetti kbar li jkunu ser jinbnew fuq art barra mill-konfini tal-iżvilupp.

Dr Agius qal li l-Partit Nazzjonalista qed jitkellem biss fuq proġetti kbar, u mhux fuq il-ħtiġijiet tal-bdiewa u r-raħħala għax dawn għandhom jingħataw il-permessi meħtieġa biex jibnu ġiebja jew serra.

Il-kandidat Justin Schembri qal li l-pajjiż jinsab fi ħtieġa kbira li jħares l-art agrikola u anke l-ispazji pubbliċi.

Il-kandidata Bernice Bonello qalet li ż-żgħażagħ iridu li jitħares l-ambjent u appellat biex jitkellmu ħalli l-ftit spazji miftuħa li fadal, speċjalment fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, ikunu konservati, kemm għar-rikreazzjoni tal-familja u anke għall-ġenerazzjonijiet li telgħin.