Lokali
Il-PN jgħid li t-tieni interconnector se jkun frott il-politika ta’ Gvern Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista qal li d-deċiżjoni tal-Gvern li jikkunsidra t-tieni interconnector bħala sors ta’ provvista tal-enerġija, tagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija mill-kelliem Nazzjonalista Ryan Callus, ingħad li l-Partit Nazzjonalista fi Frar stess elenka l-introduzzjoni tat-tieni interconnector bħala waħda mill-azzjonijiet meħtiega fl-immedjat, primarjament fl-għaxar snin li ġejjin.

Il-Partit Nazzjonalista qal li minkejja kull interpretazzjoni politika partiġġjana li tista’ tingħata mill-Gvern preżenti, l-interconnector huwa frott il-politika ta’ Gvern Nazzjonalista u l-installazzjoni tat-tieni wieħed kienet fil-pjan tal-Enemalta qabel l-2013.

Il-Partit Nazzjonalista qal li fuq parir ta’ esperti pajjiżna ikun qiegħed isaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-eventwalità li t-tieni interconnector jitqabbad ma’ sors distint u adegwat biex ir-riskju jkun iddiversifikat u tonqos il-possibilità li jintilfu ż-żewġ interconnectors f’daqqa.

Temm jgħid li b’din id-deċiżjoni tat-tieni interconnector, l-istrateġija għall-futur tal-enerġija tal-PN tkompli toħroġ bħala l-alternattiva biex nassiguraw kontijiet sostenibbli u arja nadifa.

Ara wkoll:

Il-Partit Laburista jgħid li l-PN m’għandux kredibbiltà fis-settur tal-enerġija