Politika
Il-PN jibda jfassal il-programm elettorali għaż-żgħażagħ

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li beda l-proċess tat-tfassil ta’ programm elettorali għaż-żgħażagħ.

Waqt laqgħa mar-rappreżentanti tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) u Team Start PN, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit jemmen li ż-żgħażagħ huma l-preżent u l-futur, u l-proċess ta’ konsultazzjoni nbeda biex jitfasslu l-aħjar proposti mmirati biex iż-żgħażagħ isibu opportunitajiet ġodda, jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jgawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar.

Dr Grech qal li parti mill-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista jrid jirrifletti l-ħtiġijiet reali taż-żgħażagħ biex jibqgħu jimxu ‘l quddiem u jirnexxu bil-ħiliet tagħhom. Qal li f’dan il-pass importanti tat-tfassil tal-programm elettorali, l-MŻPN u Team Start PN qegħdin jiltaqgħu u jikkonsultaw mal-għaqdiet li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ u se jkunu jistgħu jressqu lejn il-partit proposti elettorali.

Il-President tal-MŻPN Joseph Grech u l-President ta’ Team Start PN Eve Borg Bonello qalu li l-Partit Nazzjonalista għandu l-obbligu li l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ ikunu parti mill-qafas tal-programm elettorali ta’ partit u għandu l-bibien tiegħu miftuħin għalihom.