Lokali
Il-PN jiċħad allegazzjonijiet ġodda li saru dwar Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista (PN) ċaħad l-allegazzjonijiet li qal qed isiru dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.  Dr Delia ċaħad li għandu xi kunflitt ta’ interess wara li ġie allegat li kumpanija li fiha għandu sehem ħarġet bonds għall-kumpanija Gasol li bniet il-power station tal-gass f’Delimara.

L-istqarrija maħruġa mill-PN tat dettalji dwar l-interessi minoritarji ta’ Dr Delia fil-kumpaniji li ssemmew dwar dan l-allegat kunflitt ta’ interess.  Il-PN qal li Adrian Delia m’għandu l-ebda kunflitt ta’ interess u ħadd m’għamillu jew se jagħmillu xi sarima ma’ ħalqu biex iżommu milli jikkritika dak li jħoss li huwa ħażin.

Iktar kmieni llum, il-ġurnal The Malta Independent ippubblika artiklu li fih jingħad li ra dokumentazzjoni dwar kif id-ditta legali Aequitas Trust and Fiduciary Limited, li tagħha Adrian Delia huwa azzjonista, kienet involuta fil-ġbir tal-finanzi għall-Gasol.