Lokali
Il-PN jilqa’ l-kawtela addottata fit-tnaqqis tal-miżuri; jirreaġixxi l-PL

Il-COVID Action Team tal-Partit Nazzjonalista laqa’ l-kawtela li qal li se tiġi addottata fit-tnaqqis tal-miżuri li tħabbru llum.

Fi stqqarrija il-Partit Nazzjonalista qal li dan se jseħħ wara li ftit tal-ġimghat ilu, sforz id-dikjarazzjonijiet irresponsabbli tal-Prim Ministru, pajjiżna kellu jaffaċċja l-istess miżuri li kien addotta sena ilu meta bdiet l-imxija tal-COVID.

Il-PN qal li fl-aħħar il-Gvern qiegħed jieħu l-pariri tax-xjentisti u tal-esperti mediċi u jsegwi dak li l-Partit Nazzjonalista kien ilu jisħaq fuqu għal bosta xhur.

Il-COVID Action Team tal-Partit Nazzjonalistaa tenna l-insistenza tiegħu fuq il-bżonn urġenti ta’ aktar screening riġidu fil-port u l-ajruport minħabba fil-varjanti tal-virus u oħrajn ġodda.

Qal li għalhekk jeħtieġ li jittieħdu dawk il-miżuri kollha, fosthom li jkollhom iċ-ċertifikat ta’ test kontra l-COVID, biex jiġi assigurat li s-sagrifiċċji li kellhom u qegħdin jerġgħu jagħmlu l-Maltin u l-Għawdxin ma jerġgħux jisfumaw fix-xejn.

Qal li hu importanti wkoll li fis-settur edukattiv tkompli tingħata attenzjoni massima sabiex ma jerġgħux jiżdiedu l-każijiet u dan sabiex jiġi protett is-saħħa tal-istudenti, l-għalliema, l-ġenituri u kull min jaħdem fl-iskejjel.

Il-PN qal li jkun għaqli li jseħħ djalogu genwin mall-unjins u l-istakeholders kollha qabel jittieħdu d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lilhom. Madankollu jinnota iżda b’dispjaċir, li minkejja li l-imxija tal-COVID fost dawk li jipprattikaw l-isport kien minimu, eluf ta’ persuni u organizazzjonijiet sportivi reġgħu iċċaħħdu milli jippratikkaw l-isport b’mod sigur. Qal li dan qed iseħħ anki bi preġudizzju lejn is-saħħa fiżika u mentali ta’ kull min jipprattika l-isport, kemm professjonalment jew b’mod ieħor u lejn l-għajxien ta’ dawk l-impjegati f’dan is-settur importanti, partikolarment l-elite sports li għalihom qal li qed issir diffiċli jtemmu l-kampjonati li diġà bdew.

Il-Partit Nazzjonalista talab lill-poplu jirrispetta d-direttivi kollha mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, sabiex mill-aktar fis ukoll, jerġgħu jinfetħu r-ristoranti, l-ħwienet u dawk in-negozji kollha li b’xi mod reġgħu ġew milquta mir-restrizzjonijiet, sabiex jerġgħu jibdew igawdu frott il-ħidma u l-investiment tagħhom.

Il-Partit Laburista qal li r-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar il-bidla fil-miżuri mħabbra dalgħodu hi konsistenti fl-inkonsistenza għax fi stqarrija waħda jgħid li l-Gvern għandu jimxi mal-miżuri mnebbħa mix-xjenza u l-awtoritajiet tas-saħħa, u fl-istess ħin jiddubita dawn l-istess pariri. Il-Partit Laburista qal li l-poplu jaf li l-uniku parir konkret tal-Partit Nazzjonalista kien li jdaħħalna f’lockdown meta feġġew l-ewwel każi u li kien għalih bqajna hemm għal xhur sħaħ. Il-Partit Laburista qal li l-Oppożizzjoni tibqa’ tispikka għall-opportuniżmu politiku.