Enerġija
Il-PN jinsisti fuq it-trasparenza dwar l-applikazzjoni tal-pipeline tal-gass – il-Gvern jgħid li propjetà tal-KE

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli għandha tippubblika d-dokumenti dwar l-applikazzjoni tal-pipeline tal-gass li saret mill-Gvern lill-Kummissjoni Ewropea. Fi stqarrija, il-Kelliem Nazzjonalista għall-Enerġija Ryan Callus appella lill-Ministru biex tieqaf tgħatti dak li sejjaħ bħala tħarbit tal-predeċessuri tagħha għax qal huwa biss bit-trasparenza li tista’ tingħata enerġija irħas u nadifa.

Fil-Parlament, ilbieraħ il-Ministru Dalli wieġbet mistoqsija parlamentari dwar il-fondi Ewropej għall-pipeline tal-gass, u qalet li d-dokument li qed jagħmel referenza għalih id-Deputat Callus huwa propjetà tal-Kummissjoni Ewropea u ma jistax jiġi ppubblikat minnha. Spjegat li d-dokument fih informazzjoni kummerċjalment sensittiva li tista’ tippreġudika applikazzjonijiet futuri li possibilment jistgħu jsiru minn Malta.