Pulizija
Il-PN jinsisti li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija ma tistax tispiċċa mill-Ministru, il-Ministeru jirreaġixxi

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan minkejja li din hija stabbilità b’liġi li tista’ tinbidel biss mill-Parlament.

Fi stqarrija, id-deputati Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina qalu li l-Kummissarju u l-Ministru għandhom jaġixxu skont il-liġi u jekk il-Ministru biddel fehmtu fuq din il-kariga, għandu jressaq abbozz ta’ liġi fil-Parlament.

B’reazzjoni, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali fi stqarrija fakkar li fl-aħħar xhur kienet qed titħejja strateġija ta’ trasformazzjoni għall-Korp tal-Pulizija bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej li kif tkun ippreżentata se twassal biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa skont dak issuġerit u maqbul.

Il-Ministeru qal li fejn u jekk ikun meħtieġ li jkun hemm diskussjoni parlamentari dan se jkun qiegħed isir. Stqarr li l-Minsiteru jirrispetta l-istituzzjonijiet u m’għandux bżonn tagħlimiet mingħand il-kelliema tal-Oppożizzjoni.