Lokali
Il-PN jippreżenta disa’ proposti għall-ekonomija

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ħabbar disa’ prioritajiet biex isaħħaħ l-ekonomija u sitt setturi ekonomi ġodda fosthom fil-finanzi u l-informatika, fil-media diġitali, l-isport u l-intrapriża soċjali. Il-proposti jinkludu li kwart tax-xiri kollu tal-Gvern isir mingħand negozji żgħar u li l-ħlasijiet mill-Gvern isiru f’temp ta’ tletin ġurnata.

Quddiem il-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-ewwel priorità tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern tkun li jerġa’ jibni r-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż ta’ fiduċja, stmat, sigur u ġust, bis-servizzi finanzjarji.

Dr Busuttil qal li jrid iżomm l-Air Malta għax fi kliemu hi kruċjali għall-aċċessibilità minn u lejn Malta. Qal li investituri lokali għandu jkollhom opportunità jinvestu fiha u l-Gvern jibqa’ fil-kontroll tagħha. Wiegħed li Gvern Nazzjonalista jgħin lis-settur privat biex ikun hawn l-‘ultra high speed internet’ u għall-investimenti bi proġetti li jgħaqqdu lil Malta ma’ internet backbones fl-Ewropa u l-Afrika.

Dr Busuttil qal li Gvern ġdid jaħdem għall-iżvilupp tal-industrija tal-loġistika b’mod li jiġu integrati u sfruttati fost oħrajn l-oqsma marittimi, tal-avjazzjoni u tat-teknoloġija tad-distribuzzjoni.

Priorità oħra li semma Dr Busuttil hi li tiġi msaħħa l-pożizzjoni ta’ Malta bħala nazzjon marittimu ta’ reputazzjoni internazzjonali u li Malta ssir l-ewwel pajjiż fejn is-servizzi tal-Gvern lin-negozju jingħataw kompletament b’mod diġitali fosthom ix-xiri mill-Gvern biex ikun hemm trasparenza sħiħa.

Il-Kap Nazzjonalista għamel impenn li l-Gvern jibda iħallas f’temp ta’ 30 ġurnata u li 25% tax-xiri mill-Gvern isir mingħand negozji żgħar li jimpjegaw anqas minn 50 persuna.

“Biex nassigura li n-negozji ż-żgħar ikollhom sehem akbar fl-ekonomija waqt li nattakkaw bis-saħħa l-kummerċ illegali, fosthom dawk li jidħlu u joħorġu mill-pajjiż bla ma jirreġistraw u jħallsu t-taxxi hawn Malta,” qal Dr Busuttil.

Dr Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern irid jibda setturi ekonomiċi godda fosthom l-hekk imsejjaħ ‘fintech’ b’sinerġija bejn is-servizzi finanzjarji u tal-informatika. F’dan ir-rigward qal għandu jitwaqqaf fond ta’ €200 miljun biex jgħin dan is-settur.

Huwa ppropona t-twaqqif ta’ ‘International Digital Media Cluster’ biex jattira l-investiment, l-innovazzjoni u l-aqwa talent fis-settur tal-media diġitali. Dr Busuttil ippropona ukoll ‘seed fund’ biex is-settur tal-isports fosthom l-assoċjazzjonijiet sportivi u l-clubs jkun mħajra jinvestu u jikbru bħala operaturi ekonomiċi.

Dr Busuttil qal li l-Gvern ġdid irid jalloka €50 miljun f’social enterprise fund għal intrapriżi soċjali u jwaqqaf f’Malta ċentru internazzjonali li jattira l-kwartieri ta’ għaqdiet tal-karità u għaqdiet mhux mhux governattivi internazzjonali.

Settur ekonomiku ieħor li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern qed jipproponi hu msejjaħ ‘Internet of Things’. Il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega li dan jipprovdi ambjent urban fil-bliet u rħula fejn oġġetti li nużaw fil-ħajja ta’ kuljum ikunu mqabdin mal-internet, bil-Gvern jaħdem biex jara li t-teknoloġija fuq il-mobile, il-cloud applications, it-teknoloġija tad-drone, it-3D printing u d-data analytics isiru parti mis-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Gvern ifassal qafas regolatorju dinamiku f’oqsma ġodda bħal ‘blockchain’ u ‘crowdfunding’ waqt li jesplora oqsma oħra bħal robotics, bio-technology, genomics u cybersecurity.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Ilhom snin twal ikerrħu l-ambjent f’ċerti inħawi, iżda huma meħtieġa biex jitwassal servizz essenzjali: l-elettriku. Qed nirreferu għal arbli fil-kampanja b’cables imdendla magħhom. Li fihom tajjeb hu li jista’ jasal…

Lokali

Il-midja Taljana qed tkompli tirrapporta bi prominenza l-arrest ta’ Darren Debono ta’ 43 sena, li nqabad f’lukanda f’Lampedusa wara li kien imfittex b’rabta ma’ kuntrabandu tal-fjuwil mil-Libja. Debono, li kien…

Lokali

Jonathan Felice intbagħat disa’ snin ħabs wara li tilef l-appell b’rabta ma’ serqa bil-vjolenza li seħħet f’Ġunju 2006, meta huwa kien għad kellu 17-il sena. Dak iż-żmien anzjana ta’ 81…

Lokali

Il-Gvern ħabbar id-dettalji tar-rigal ta’ €1 miljun li se jkun offrut lil min jikxef informazzjoni konkreta li twassal biex ikun solvut il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fi stqarrija l-Gvern qal…

Aktar