Il-PN jipproponi li proġetti fl-ODZ jiġu approvati b’żewġ terzi tal-Parlament

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ippropona li proġetti barra ż-żona tal-iżvilupp ikunu jeħtieġu żewġ terzi tal-membri parlamentari biex jiġu approvati. Qal li wasal iż-żmien li ż-żoni ODZ jiġu protetti wara li ż-żewġ partiti fil-gvern kellhom in-nuqqasijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

Dr Busttil ippropona fost oħrajn li l-iSPED jiġi rivedut biex ikun żgurat li ma jkunx hemm tfixkil fil-protezzjoni tal-kampanja u l-art barra ż-żoni tal-iżvilupp filwaqt li ma jkunx tollerat l-ebda żvilupp illegali. Dwar dan qal li l-Awtorità tal-ippjanar u dik tal-Ambjent għandhom ikunu indipendenti. Huwa qal li l-art f’żona ODZ għandha tingħata valur daqs li kieku qiegħda f’żona tal-iżvilupp. Qal li b’hekk jitneħħa dak li sejjaħ inċentiv li għandu il-gvern biex jagħti l-art għall-proġetti minħabba li hija rħisa.

Il-president tal-konvenzjoni bit-tema Idea Ambjent, Simone Vella Lineker qalet li d-dokument tal-konvenzjoni aktar tard din is-sena ser jipproponi hames punti ghal politika ambjentali. Hija qalet li tingħata prijorità assoluta lill-ambjent, governanza, sostenibbiltà, l-għixien tajjeb u l-benessere tal-komunità kif ukoll li jkun hemm kultura ambjentali għall-futur.

Għal din l-attività kienu mistiedna diversi rappreżentanti ta’ għaqdiet ambjentali li qasmu l-opinjoni tagħhom dwar kif għandha tkun it-triq ‘il quddiem fil-politika tal-Partit Nazzjonalista dwar l-ambjent.