Turiżmu
Il-PN jipproponi ttestjar b’xejn lit-turisti u VAT ta’ 7% lill-bars u r-ristoranti bħall-akkomodazzjoni

Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta pjan għall-irkupru tal-industrija turistika għall-għaxar snin li ġejjin. Il-proposti jinkludu l-ftuħ ta’ tliet ċentri fejn it-turisti jiġu ttestjati bla ħlas għall-COVID, inċentivi għall-marketing u s-seats fuq l-ajruplani, €50 fil-ġimgħa lill-istudenti barranin li jiġu jitgħallmu l-Ingliż u li r-rata tal-VAT għall-bars u r-ristoranti tinżel għal sebgħa fil-mija bħalma hi għall-akkomodazzjoni. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li b’dan il-mod qed juri li l-partit li jmexxi jisma’, għandu ideat ċari u viżjoni għall-ġejjieni.

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jinfetħu tliet ċentri għall-ittestjar tal-COVID b’xejn lit-turisti li jiġu Malta, sospensjoni tal-ħlas tal-liċenzji ta’ Transport Malta għal 18-il xahar lil dawk li jaħdmu fit-turiżmu, għotja ta’ darba ta’ €25,000 kull sena għal sentejn lill-operaturi turistiċi għall-kampanji ta’ marketing barra l-pajjiż u li l-VAT għall-bars, ristoranti, l-akkomodazzjoni u l-operaturi li jaħdmu fit-turiżmu tinżel għal sebgħa fil-mija.

Dawn huma wħud mill-proposti tal-Partit Nazzjonalista fil-pjan strateġiku ta’ għaxar snin magħruf bħala ‘2+8′ b’referenza għal sentejn ta’ rkupru mill-effetti tal-pandemija u tmien snin ta’ tisħiħ u żvilupp.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li huwa kburi bil-prodott turistiku u qed iressaq proposti konkreti dwar kif is-settur turistiku jista’ jkun iżjed b’saħħtu.

“B’dan id-dokument aħna qed nuru biċ-ċar illi dan il-partit huwa ħaj, dan il-partit għandu l-ideat, dan il-partit jisma’ u dan il-partit għandu viżjoni però fuq kollox dan id-dokument juri biċ-ċar li aħna nemmnu f’pajjiżna”.

Il-pjan jinkludi proposta għal programm apposta għaż-żgħażagħ taħt il-25 sena biex jiftħu negozji ġodda fis-settur tal-ospitalità, boroż ta’ studju ta’ €50 fil-ġimgħa lil kull student li jagħżel li jiġi Malta għal kors fl-Ingliż ta’ mill-inqas 12-il ġimgħa wara Settembru li ġej, promozzjoni lil Għawdex bħala destinazzjoni għal prodotti turistiċi ġodda, jitwessa l-kunċett ta’ vilel u farmhouses, spazji għall-camping bil-faċilitajiet meħtieġa u pjan ta’ infrastruttura u akkomodazzjoni fin-nofs inhar ta’ Malta.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u kelliem għat-Turiżmu, Robert Arrigo rringrazzja lill-imsieħba fis-settur li għenu fit-tfassil ta’ din il-politika li qal se tkompli tissaħħaħ bil-għan li Malta tkun tassew destinazzjoni unika.