Politika
AĠĠORNAT: L-Enemalta tgħid li ġie ddentifikat fejn seħħet il-ħsara fil-cable tal-interconnector

Il-Partit Nazzjonalista appella biex ikunu ppubblikati l-fatti wara l-qtugħ tal-provvista tad-dawl għal diversi drabi fl-aħħar ġimgħat.

Fi stqarrija l-Kelliem Nazzjonalista għall-Enerġija, David Agius, qal li fl-aħħar sigħat reġa’ kien hawn bosta bliet u rħula li ma kellhomx dawl.

Waqt li rrefera għad-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet dwar l-ankra tal-vapur li laqtet l-interconnector, is-Sur Agius qal li bit-teknoloġija moderna faċli li wieħed ikun jaf liema vapur u x’ħin sar dan l-allegat inċident.

Żied li l-poplu qed jistaqsi jekk hemmx assikurazzjoni mill-Enemalta għal inċidenti simili u jekk ittiħdux passi kontra s-sidien tal-vapur.

Min-naħa tagħha, l-Enemalta, fi stqarrija qalet li s-survey imwettaq mill-bastiment Polar King identifika l-punt fejn seħħet il-ħsara fil-cable tal-interconnector bejn Malta u Sqallija. Qalet li l-ewwel indikazzjonijiet jikkonfermaw is-suspetti inizjali. Intqal li mill-filmati miġbuda hemm evidenza raġonevoli li l-cable inqata’ b’ ankra, bl-evidenza turi li l-ankra tkaxxkret f’qiegħ il-baħar, qalet il-cable mit-trinka, u sussegwentement qatgħatu.

Qalet li fis-sigħat li ġejjin inġiniera ta’ Enemalta plc u Nexans se jkomplu janalizzaw il-filmati miġbuda mill-bastiment Polar King biex b’hekk jiġi stabbilit x’hemm bżonn li jsir biex jingħata bidu għall-proċess ta’ tiswija.