Politika
AĠĠORNAT: L-Ispeaker se jaġġorna l-Parlament kmieni b’luttu għal Miriam Pace

L-Ispeaker tal-Parlament ħabbar li, b’sinjal ta’ luttu għal Miriam Pace, li mietet traġikament ilbieraħ taħt it-tiġrif ta’ darha f’Santa Venera, se jkun qed jaġġorna l-Kamra wara li jsiru l-istqarrijiet mill-Prim Ministru u mill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Dan ħabbru wara talba mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, li talab lill-Ispeaker tal-Parlament biex wara d-dibattitu tal-lejla, l-aġenda tiġi sospiża.

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, intqal li Dr Delia jemmen li l-Parlament għandu jibgħat sinjal b’saħħtu li r-rappreżentanti tal-poplu lesti li jieħdu din it-traġedja bl-ikbar serjetà, u li jiddaħħlu riformi għas-sigurtà u infurzar serju.

Filwaqt li offra l-kondoljanzi tiegħu u tal-PN lill-familja, Dr Delia qal li l-mewt ta’ Miriam Pace ma tistax tgħaddi u tintnesa, u l-politiċi għandhom l-obbligu li jaraw li ma jintilfux iktar ħajjiet.