Lokali
Il-PN jitlob li ssir laqgħa urġenti dwar is-sitwazzjoni tal-Qorti ta’ Għawdex

L-Oppożizzjoni talbet li ssir laqgħa urġenti tal-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex sabiex jiddiskuti s-sitwazzjoni li tinsab fiha l-Qorti ta’ Għawdex.

Fi stqarrija, il-Kelliema tal-PN Chris Said u Karol Aquilina sejħu s-sitwazzjoni fil-qorti ta’ Għawedex bħala waħda gravi. Qalu li minkejja li għaddiet aktar minn ġimgħa mindu avukati li jipprattikaw f’din il-qorti waqfu milli jattendu għas-seduti, baqgħet ma ttieħdet ebda azzjoni.

Qalu li fil-qorti ta’ Għawdex hemm nuqqas kbir ta’ ħaddiema mħarrġa u kwalifikati fosthom nuqqas ta’ Assistent Reġistratur u m’hemm l-ebda Marixxalli li jaħdmu full-time. Fl-istess waqt semmew li l-bini tal-qorti mhux aċċessibbli u d-dokumenti mhux qed jiġu pproċessati u mhux jaslu quddiem il-maġistrati fil-ħin.

Il-PN qal li minkejja dan kollu, il-gvern baqa’ ċass u m’għamel xejn biex il-qorti ta’ Għawdex tkun tista’ taħdem b’effiċjenza u dan qed iwassal għal inġustizzji kbar ma’ kull min ikun jeħtieġ jersaq quddiem il-qorti ta’ Għawdex.