Partit Nazzjonalista
Il-PN jniedi l-kampanja elettorali bit-tema ‘Flimkien għal Pajjiżna’

Il-Partit Nazzjonalista nieda l-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali li se jkollha bħala tema ‘Flimkien għal Pajjiżna’.

Fit-tnedija tal-kampanja, il-Kap Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li fl-appuntament elettorali li jmiss, il-Partit Nazzjonalista jista’ jbiddel id-direzzjoni u jiġġieled l-arroganza ta’ Gvern li qal ma jridx jisma. Dr Delia qal li dan se jkun l-ewwel pass biex fis-snin li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista jissaħħaħ u jkun alternattiva serja għall-Gvern.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Gvern nesa lill-pazjenti tal-Isptar Monte Carmeli għax mhux isir investiment f’din l-istituzzjoni tas-saħħa. Allega li hemm pazjenti li qed jgħixu f’kundizzjonijiet li sejjaħ tal-biki u tal-mistħija.

Dr Delia qal li n-nies qed iħallsu l-prezz tal-iżvilupp bla rażan li għaddej f’Malta fosthom bl-arja maħmuġa li qed tħalli l-imwiet kull sena. Wera fehma li l-qasam ambjentali qatt ma ġie kkalpestat daqs illum. Qal li l-Partit Nazzjonalista se jħares lejn mezzi ta’ trasport moderni li ma jniġġsux.

Dr Delia qal li l-Gvern ma jistax ikompli jkabbar l-ekonomija biż-żieda fil-popolazzjoni għax qal li din mhux sostenibbli fosthom minħabba l-pressjoni fuq l-infrastruttura tal-pajjiż. Filwaqt li huwa tajjeb li nilqgħu l-barranin, Dr Delia qal li l-Gvern irid joqgħod attent li ma jimpurtax skjavitù.

Il-Kap Nazzjonalista tkellem dwar ir-reputazzjoni ta’ Malta u qal li rapport wara ieħor jikkonferma li l-Gvern ikkalpestaha u nawwar l-istituzzjonijiet. Qal li d-demokrazija f’Malta qiegħda taħt theddida u dan huwa ta’ detriment għal Malta. Qal li l-Gvern tilef ir-ruħ soċjali tiegħu u m’għadux jirrappreżenta lill-vulnerabbli.

Dr Delia qal li l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew se jkunu qed jiddefendu isem Malta barra iżda mhux lill-Gvern, filwaqt li l-kunsilliera Nazzjonalista se jkunu qed imexxu bl-eżempju mill-Oppożizzjoni.

Il-Kap Nazzjonalista qal li dan kollu jista’ jinkiseb b’ħidma flimkien għall-pajjiż.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Anzjan ta’ 75 sena residenti l-Pietà tilef ħajtu meta waqa’ għoli ta’ tliet sulari. Il-każ seħħ ftit wara s-sebgħa ta’ llejla meta l-anzjan instab mal-art fl-inħawi ta’ ġnien li jinsab…

Lokali

Fil-ġranet li ġejjin, l-awtoritajiet tas-saħħa mistennija jagħmlu funeral tal-foqra lil erba’ persuni, li tlieta minnhom għandhom il-karta tal-identità Maltija li ilhom aktar minn xahrejn abbundannati fil-kamra mortwarja. Ma’ TVM, id-Direttur…

Lokali

Mil-lum il-bdiewa li jkabbru l-patata bdew iħejju l-għelieqi tagħhom wara li fl-aħħar jiem għamlu l-kalkoli tat-telf li kellhom fl-aħħar sena minħabba r-riħ qawwi u s-silġ li niżel fil-grigalata ta’ tmiem…

Aktar