Politika
Il-PN jwiegħed li Għawdex ikun meqjus bħala gżira reġjun fil-Kostituzzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wiegħed li gvern nazzjonalista ser jara li Għawdex ikun meqjus bħala gżira reġjun fil-kostituzzjoni biex l-Għawdxin ikollhom il-poter jiddeċiedu fuq il-ħtiġijiet tagħhom. Huwa qal li l-gvern wiegħed ħafna proġetti lill- Għawdxin li baqgħu ma twettqux u kkritika lill-gvern għall-bejgħ tal-uniku sptar f’Għawdex.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista wiegħed li jrid jagħti lill-Għawdex l-istat ta’ gżira reġjun fil-Kostituzzjoni biex l-Għawdxin jingħataw poteri eżekuttivi biex jiddeċiedu dwar il-ħtiġijiet ta’ Għawdex.

Fl-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista f’Għajnsielem, Dr Delia qal li Gvern Laburista wiegħed ħafna lill-Għawdxin u baqa’ ma wettaq xejn. Huwa semma diversi proġetti mwegħda diversi drabi fosthom il-cruise liner terminal, il-yacht marina ġdida, binja ġdida għall-Qorti u skola primarja ġdida fir-Rabat Għawdex li suppost ilha lesta mill-2015. Qal li dawn kollha ma twettqux.

Dr Delia kkritika il-privatizzazzjoni tal-Isptar ta’ Għawdex, waqt li qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ jistenna aktar imwiet qabel jieħu azzjoni konkreta dwar l-isptar. Huwa ddeskriva l-kuntrat tal-Isptar bħala malinn li sar biex xi ħadd jaqla’ l-miljuni minnu. Qal li sal-lum ħadd ma ħa r-responsabbiltà għall-mewt ta’ pazjent minħabba li s-servizz tal-ħelikopter kien wieqaf. Dr Delia qal li l-Gvern biegħ l-uniku sptar ta’ Għawdex mingħajr ma ta kas il-bżonnijiet tal-Għawdxin.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Għawdxin għandhom bżonn investiment serju fil-konnettività biex ma jinqatgħux mill-kumplament ta’ Malta. Huwa kkritika lill-Gvern li qal neħħa s-servizz ta’ vapur għall-merkanzija minn Sa Maison, waqt li baqa’ ma investiex fir-raba’ vapur, u ma daħħalx il-fast ferry service. Huwa qal li l-Gvern issa qiegħed iwiegħed mina li għandha tal-inqas tmien snin oħra biex tinbena. Il-Kap Nazzjonalista staqsa kif se tissolva l-problema ta’ konnettività sakemm tkun lesta. Dr Delia saħaq dwar il-bżonn ta’ konsultazzjoni serja.

Huwa reġa’ kkritika l-politika tal-gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u qal li f’sitt snin ser ikun hawn aktar ħaddiema barranin milli ħaddiema Maltin mal-privat. Semma kif l-istudenti Għawdxin spiċċaw b’kirjiet għoljin f’Malta u stqarr li sar aktar ogħli tikri appartament f’Malta milli fl-Italja. Il-Kap Nazzjonalisa qal li fejn il-Gvern jiżbalja, l-Oppożizzjoni lesta tressaq is-soluzzjonijiet. Dr Delia saħaq dwar il-bżonn ta’ viżjoni ħolistika għal Għawdex bi pjan soċjo-ekonomiku li joffri miżuri għaż-żmien qasir medju u fit-tul.

 

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia akkuża lill-Gvern li tilef ir-ruħ soċjali tiegħu, u li qed itellef lil pajjiż mill-fibra morali, tant li fi kliemu sar pajjiż li fih xi ħadd…

Politika

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, qal li issa huwa ż-żmien biex ikun hemm diskussjoni serja dwar l-integrazzjoni biex kulħadd iħossu ugwali. Dr Muscat qal li dan huwa…

Kultura

Festival ta’ films kontemporanji Taljani se jkun organizzat bejn għada u l-Ħadd li ġej mill-Istitut Taljan tal-Kultura b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv u l-Programm għall-Istudji tal-Film tal-Università ta’ Malta. Cinema Italia…

Saħħa

Il-kumpanija tal-Gvern Malta Air Travel ippubblikat sejħa għall-proposti biex jinstab operatur għas-servizz tal-ajru bejn Għawdex u Malta. Fi stqarrija konġunta bejn il-Ministeru tat-Turiżmu u l-Ministeru għal Għawdex intqal li l-ħelikopter…

Aktar