Lokali
Il-PN lest li jagħti l-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien lill-poplu Għawdxi u Malti kollu

Il-Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista tal-Qala laqgħu l-proposta li ħabbar il-PN li jekk jingħata l-fiduċja tal-poplu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss se jagħti lura lill-Qalin u lill-poplu Malti u Għawdxi kollu l-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien u ż-żona tal-madwar, billi jakkwista l-art privata li hemm biswit il-bajja.

Bħalissa, l-uniċi żoni li huma tal-gvern huma l-parti tal-bajja fejn hemm ir-ramel u l-moll. Il-bqija taż-żona li hemm madwar din il-bajja hija f’idejn kumpanija privata. Fi stqarrija, il-Minority Leader tal-Qala Karl Buttigieg u l-Kunsilliera Valerie Cassar Mejlak qalu li b’hekk il-Kunsill Lokali tal-Qala u l-gvern, bħalissa, ftit li xejn jistgħu jagħmlu proġetti pubbliċi fiż-żona u għal din ir-raġuni llum iż-żona ta’ madwar din il-bajja inkluż il-parkeġġ tinsab f’telqa kbira.

Il-Kunsilliera tal-PN qalu li kienu minn ta’ quddiem li mbuttaw il-proposta biex din iż-żona tinxtara mill-gvern u biex f’din l-istess żona jsir proġett li jitgawda mill-familji Qalin.

Il-proposta tal-PN tinkludi wkoll proġett ta’ riġenerazzjoni fejn iż-żona li llum hija privata tiġi mibdula f’park nazzjonali.