Politika
Il-PN ma tax kontribut fil-konsultazzjoni tal-kannabis għal skop rikreattiv – Il-PM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-poplu Malti huwa ottimist dwar il-futur ta’ saħħtu u l-ekonomija, sentiment li qal qed jiġi nnutat mill-Kummissjoni Ewropea meta din il-ġimgħa fit-tbassir ekonomiku għal pajjiżna, qalet li l-ekonomija Maltija se tikber iktar mill-medja Ewropea.

Dr Abela qal li ma jifhimx l-aġir tal-oppożizzjoni li tieħu gost bi ħsara lil pajjiżna, filwaqt li rrimarka wkoll kif il-Partit Nazzjonalista baqa’ bla pożizzjoni fi tmiem proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-white paper għall-użu responsabbli tal-kannabis għal skop rikreattiv.

F’kollegament telefoniku fuq One Radio, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li l-Gvern irċieva mat-350 kontribuzzjni dwar il-white paper b’rabta mal-użu responsabbli tal-kannabis għal skop rikreattiv. Spjega kif matul il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika kien hemm sottomissjonijiet minn nies, ġenituri u żgħażagħ, kif ukoll mill-Partit Laburista nnifsu, iżda sostna li l-Partit Nazzjonalista għażel li ma jissottometti xejn u jkun assenti f’dan l-istadju għax qal li għadha qed tikkonsulta dwar dan is-suġġett.

Dr Abela esprima sodisfazzjon bl-għoti ta’ liċenzja lill-kumpanija Kanadiża li se timmanifattura l-kannabis mediċinali f’Malta, b’investiment barrani u lokali li se ifisser li l-prodott mediċinali se jintuża madwar id-dinja, u li dan seħħ wara proċess regolatarju li ħa ż-żmien għax qal li l-Gvern ħadem b’serjeta’. Qal li se jkun hemm iktar liċenzjar ta’ kumpaniji b’investiment barrani, li jsarrfu f’xogħlijiet ta’ kwalita’ għall-ħaddiema Maltin.

Dwar il-pandemija, il-Prim Minsitru qal li bħalissa l-poplu qed iħossu iktar sigur u pożittiv, b’nies fin-negozju fosthom sidien tar-ristoranti li qalulu li l-begħ sa minn nhar it-Tnejn kien wieħed tajjeb. Qal li dan ir-rispons min-negozji jimlieh b’sodisfazzjon u kuraġġ biex il-pajjiż jibqa’ jissaħħaħ.

Dr Abela qal li dawn ir-riżultati pożittivi ma ġewx mix-xejn, imma għax il-Gvern kien iffukat bil-għan li l-programm tat-tilqim ikun l-aqwa wieħed fl-Ewropa, tant li minn għada, persuni minn sittax -il sena ‘il fuq se jkunu jistgħu jieħdu t-tilqima.

Il-Prim Ministru spjega li l-ottimiżmu qed jiġi nnutat mill-Kummissjoni Ewropea meta din il-ġimgħa ħabbret tbassir pożittiv għal pajjiżna, bl-ekonomija se tikber iktar mill-medja Ewropea u s-sena d-dieħla Malta se jkollha tkabbir ikbar, kważi b’darba u nofs minn dak imbassar għall-ekonomija Ewropea. Huwa kkundanna lill-Oppożizzjoni li jieħdu pjaċir bid-deni fuq pajjiżna, fosthom semma r-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li qal donnu ħa pjaċir li r-Renju Unit ma nkludiex lil Malta fil-lista l-ħadra.

Il-Prim Ministru qal li minkejja l-aġir negattiv tal-oppożizzjoni, il-Gvern se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet u jwettaq ir-riformi anki jekk mhux faċli, għax il-mira hi li Malta tikseb riżultati pożittivi għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.