Lokali
Il-PN qal li x-xandir nazzjonali qed ikun żbilanċjat

Il-Partit Nazzjonalista qal li x-xandir nazzjonali qed ikun żbilanċjat minkejja li huwa obbligat bil-Kostituzzjoni li jżomm il-bilanċ.

Id-deputat Nazzjonalista David Thake u l-kandidata tal-Partit Nazzjonalista Francine Farrugia qalu li l-istazzjon nazzjonali jieħu fondi pubbliċi li jitħallsu mit-taxxi ta’ kulħadd u għalhekk sostna li leħen kulħadd għandu jitwassal b’mod bilanċjat.

Semmew kif ir-rappurtaġġ tal-aħbarjiet qed isir b’mod partiġġjan, filwaqt li qalu li l-Partit Nazzjonalista għadu kif għamel ilment mal-Awtorità tax-Xandir dwar il-programm ‘Serataron’ li fih kienet mistiedna mart il-Prim Ministru Lydia Abela imma fl-istess programm ma ngħatatx l-istess opportunità mart il-Kap tal-Oppożizzjoni Anne Marie Grech.

Mistoqsi kif l-aħbarijiet ta’ Television Malta huma żbilanċjati meta minn Ottubru li għadda saru tmien ilmenti mill-Partit Nazzjonalista quddiem l-Awtorità tax-Xandir, u l-PBS rebaħ sebgħa, is-Sur Thake qal li l-iżbilanċ jista’ jarah kulħadd.

Mistoqsi għandux fiduċja fl-Awtorità tax-Xandir, is-Sur Thake wieġeb li għandu fiduċja fl-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż iżda fejn il-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx, għandu d-dmir u d-dover li jitkellem u jagħti r-raġunijiet għalfejn.