Lokali
“Il-PN qed jadatta u jinbidel biex jilqa’ lil kulħadd” – Dr Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jrid ifassal paġna ġdida ta’ politika ta’ umiltà, serjetà u li tibni kollox fuq il-kapaċitajiet tal-Maltin u l-fiduċja tagħhom fil-pajjiż. F’diskors fil-bidu tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Dr Grech qal li mal-Partit Nazzjonalista isem Malta dejjem tela’ ‘l fuq.

L-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista mifrux fuq tmint’ijiem tlaqqgħet fiċ-Ċittadella, r-Rabat Għawdex.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista lest li b’umiltà jadatta u jinbidel biex jilqa’ lil kulħadd. Żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista hu l-uniku mod kif jistgħu jinbidlu l-affarijiet u stieden lil kull min iħobb lill-pajjiż, Nazzjonalist u mhux, biex jingħaqad miegħu għal ħidma favur in-nazzjon.

Dr Grech qal li mal-Partit Nazzjonalista isem Malta dejjem tela ‘l fuq u qal li l-Gvern ipprova jagħti l-impressjoni li b’Malta fil-lista l-griża tal-FATF hu business as usual, mentri sostna kif 80% tan-negozji Maltin qed jinkwetaw li se jkunu affettwati ħażin.

Dwar il-pandemija, il-Kap Nazzjonalista qal li minħabba l-attitudni tal-Gvern bqajna bl-istess mekkaniżmi li s-sena l-oħra tellfu l-istaġun tas-sajf għar-ristoranti u l-lukandi. Dr Grech qal li l-aħħar miżuri li ħabbar il-Gvern jitolbu bilfors iċ-ċertifikat tat-tilqima u għalhekk se tkun impossibbli li dawk bi tfal żgħar jiġu Malta. Qal li l-Partit Nazzjonalista se jippreżenta każijiet bħal dawn direttament mal-awtoritajiet bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni prattika.

Dr Grech qal li prijorità tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex hi s-saħħa u semma fost oħrajn li se jara li s-servizz ta’ ħelikopter ikun dirett mill-isptar t’Għawdex għal Mater Dei.

Il-Kap Nazzjonalista qal li fid-disa’ xhur kemm ilu kap sema’ u analizza biex issa l-Partit Nazzjonalista lest li jimxi għall-azzjoni. Qal li hu possibbli li tinstab it-triq tar-raġuni fejn s’issa kien hemm nuqqas tagħha, l-istess kif inhu possibbli li jinstab bilanċ bejn l-ambjent u żvilupp. Dr Grech qal li din il-ġimgħa stess l-PBS ġie ikkundannat mill-Awtorità tax-Xandir wara li qal injora l-bilanċ fl-aħbarijiet u ma xandarx dritt ta’ tweġiba tal-Partit Nazzjonalista.

Dr Grech ħeġġeġ lin-nies biex jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista fis-sejħa tiegħu kontra dak li sejjah l-arroganza u l-poter tal-Partit Laburista.