Politika
Il-PN qed jagħmel għażliet politiċi li jagħtu valur lin-nies – Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel għażliet politiċi li jagħtu valur lin-nies. Dr Grech semma fost l-oħrajn il-proposti fl-oqsma tal-ambjent u s-saħħa, li qal jiffurmaw parti minn pjan fit-tul tal-Partit Nazzjonalista għall-pajjiż.

Intervistat bħala parti mill-attivitajiet tal-Indipendenza, Dr Grech qal li għandu relazzjoni tajba mal-predeċessur tiegħu, anke jekk sostna li għadhom ma laħqux ftehim dwar liema distretti għandu jikkontesta Dr Adrian Delia fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-għażliet li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista huma ntiżi li jagħtu valur lill-poplu Malti u Għawdxi.

Dr Grech qal dan meta kien qed jirreferi għall-wegħdiet li qed isiru mill-Partit Nazzjonalista, fosthom ix-xiri tal-art f’l-Ħondoq, l-għoti tal-mediċina b’xejn lill-pazjenti tal-kanċer u l-eżenzjoni tat-taxxa mill-VAT titla’ għal €60,000.

Meta kien qed jiġi intervistat minn ġurnalist ta’ ONE News, bħala parti mill-attivitajiet tal-Indipendenza, il-Kap Nazzjonalista spjega kif il-proposta li jeħtieġ vot ta’ żewġ terzi tal-Parlament għall-bini fuq art barra mill-konfini tal-iżvilupp hija ntiża biex ma tħallix spekulazzjoni tal-art għal proġetti kbar u bħala eżempju semma dak tal-Università Amerikana f’Wied il-Għajn,

Dwar l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika li ħareġ fuq il-ġurnal it-Torċa, il-Kap Nazzjonalista qal li dak huwa ritratt tal-ġurnata.

Dr Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista fadallu ħafna x’jagħmel biex jirbaħ l-elezzjoni. Dwar dawk in-nies li m’esprimewx preferenza bejn partit u ieħor, Dr Grech qal li huwa konvint li l-Partit Nazzjonalista jista’ jikkonvinċiehom biex jikseb il-fiduċja tagħhom.

Mistoqsi jekk jikkunsidrax li jagħmel koalizzjoni mal-ADPD, Dr Grech wieġeb li m’għandu għalfejn jagħmel koalizzjoni ma’ ħadd.

Huwa fakkar iżda li l-koalizzjoni li kien għamel Dr Simon Busuttil kellha raġun għax, skont Dr Grech, Gvern Laburista daħħal lill-pajjiż fil-lista l-griża tal-FATF.

Il-Kap Nazzjonalista qal li hu beda jiġi investigat dwar it-taxxa meta laħaq Kap tal-Partit sena ilu u spjega li ħallas it-taxxa dovuta li ntalab jagħti minkejja l-kontestazzjonijiet li għamel.

Dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-predeċessur tiegħu, Dr Grech wieġeb li hu għandu relazzjoni tajba ma’ Dr Adrian Delia iżda għadu ma laħaqx qbil miegħu dwar liema distretti Dr Delia għandu jikkontesta fl-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Dwar il-kawża miftuħa minn LovinMalta u minn Chris Peregin, li llum jifforma parti mill-Partit Nazzjonalista, Dr Grech qal li l-kawża mhix kontra l-istazzjonijiet politiċi iżda kontra l-partiġġjaniżmu fix-xandir.

Huwa sostna li l-istazzjon nazzjonali m’għandux ikun maħkum mill-Partit Laburista, m’għandux jirrapporta biss dak li jgħid il-Gvern u għandu l-obbligu jinforma b’dak li jkun qed iseħħ fil-pajjiż.