Partit Nazzjonalista
Il-PN qed jaħdem biex kulħadd ikollu saqaf fuq rasu – Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li Gvern Nazzjonalista jara li kull persuna f’Malta u Għawdex ikollha saqaf fuq rasha. F’attività politika fl-Imqabba, Dr Delia qal li minn issa l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem biex jiggarantixxi lil kulħadd d-diċenza li jkollu fejn jgħix. Huwa qal li l-politika tal-gvern li jġib ħaddiema barranin qed iżid il-problema tal-faqar fil-pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem biex kull persuna jkollha saqaf fuq rasha. Qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jiggarantixxi li kulħadd ikollu fejn jgħix. Dr Delia qal li, b’differenza mill-Prim Ministru, huwa jitkellem l-ewwel fuq id-drittijiet tan-nies, u mbagħad fuq tar-robots.

Huwa qal li l-Gvern għandu pjan ċar li jkebbes in-nar li qed jaħraq lill-foqra. Qal li dan hu Gvern Soċjalista li hu kollox ħlief Soċjalist, Gvern li fl-aqwa żmien kabbar il-faqar bl-iżjed mod li qatt żdied. Kompla jgħid li minkejja li dan, il-Gvern jgħid li qed tikber l-ekonomija, iżda qal li dan ma jfissirx li hemm iżjed flus fil-bwiet tan-nies. Dwar il-kirjiet, il-Kap Nazzjonalista qal li dawn tant qed jogħlew li anke barranin kwalifikati qed jitilqu minn Malta.

Dr Delia qal li rapport ta’ Transparency International u Global Witness wera li Malta qed tkun kalamita għall-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Irrefera wkoll għal rapport tal-organiżazzjoni għall-Iżvilupp u l-Koperazzjoni Ekonomika, OECD, li inkluda lil Malta fuq il-lista s-sewda minħabba l-bejgħ tal-passaporti. Qal li għas-servizzi finanzjarji, il-pajjiż m’għandux ikun fil-lista l-griża, aħseb u ara l-lista s-sewda. Qal li n-nies fis-servizzi finanzjarji qed jgħidu li minħabba l-korruzzjoni qed issir ħsara kbira lis-settur. Qal li l-Partit Nazzjonalista ma jeħux pjaċir b’dawn l-affarijiet u jaħdem biex jiddefendi l-impjiegi għax irid soċjetà li jimpurtaha.

Il-Kap Nazzjonalista qal li fl-anniversajru tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni biex ikun magħruf jekk il-qtil setax ġie evitat. Qal li l-Oppożizzjoni talbet li ssir diskussjoni fil-Parlament il-Ħamis imma l-Gvern iddeċieda li m’hemmx urġenza. Dr Delia qal li din tħasseb lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia u li qed tħalli riperkussjonijiet fuq Malta. Dr Delia saħaq li dan il-każ m’għandux jitwarrab jew jintesa u li l-Gvern għandu l-obbligu li jsolvih.

Dwar l-edukazzjoni, Dr Delia qal li Gvern mhux biss ma beniex skola kull sena kif għamel Gvern Nazzjonalista, imma naqqas il-fondi għall-edukazzjoni. Wiegħed li Gvern Nazzjonalista jżid din in-nefqa kull sena. Qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen fil-blockchain, l-artificial intelligence u r-robotika, imma qabel xejn jemmen fl-għalliema, l-istudenti u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Kull sena madwar 150 persuna f’Malta jinstab li għandhom kanċer fil-pulmun, li wħud minnhom x’aktarx li qabel ikunu bdew jinnutaw sintomi tal-kundizzjoni, magħrufa bħala COPD, li hi assoċjata mat-tipjip, it-tniġġis…

Ekonomija u Finanzi

Il-baġits għall-2019 ta’ Malta u disa’ pajjiżi oħra Ewropej kisbu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li l-Italja qed tissogra li taffaċċja azzjoni dixxiplinarja li tista’ twassal għall-multi, minħabba li qed tibqa’…

Politika

F’konferenza tal-aħbarijiet illejla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Prim Ministru mhux qed jgħid il-verità, għax minn banda jgħid li ma jafx kontra min hemm inkjesta, u mill-banda l-oħra…

Aktar