Lokali
Il-PN sejjaħ bħala immorali ż-żieda fil-baġit għal Steward Healthcare li tmexxi 3 sptarijiet

Il-Partit Nazzjonalista ddeskriva bħala ‘immorali’ ż-żieda li l-Gvern iddedika fl-estemi tal-baġit għal Steward Healthcare, li għandha f’idha t-tmexxija ta’ tliet sptarijiet f’Malta.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem għas-Saħħa tal-Partit Nazzjonalista Stephen Spiteri u d-deputat Adrian Delia tennew il-pożizzjoni li dan il-kuntratt għandu jiġi annullat. Dr Spiteri qal li minkejja li ma onorawx l-obbligi kuntrattwali tagħhom il-Gvern se jżid in-nefqa għall-steward b’€20 miljun.

Qal li jistenna r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar Steward Health Care fil-ġimgħat li ġejjin wara li rapport separat kien diġà kkonferma li l-kuntratt mogħti lil Vitals ma kienx sar f’trasparenza. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni għall-preżent u għall-futur u jemmen li l-poplu Malti huwa kapaċi jamministra l-isptarijiet tiegħu stess.

Minn naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Gvern se jkompli jagħti dak li mhuwix dovut lil barranin. Qal li wara li naqqsu milli jlesti għadd ta’ investimenti infrastrutturali l-Gvern kompla biex jżid in-nefqa b’50% għall-Steward.

F’dan l-isfond qal li x-xogħol fil-Qorti lil hinn mill-poliitika partiġġjana se jibqa’ għaddej sakemm dan il-kuntratt jiġi tterminat.