Politika Lokali
Il-PN u l-PL jirreaġixxu għar-rapport tal-EBA dwar l-FIAU

Wara r-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), il-Partit Nazzjonalista sejjaħ biex il-Ministru għal-Finanzi, Edward Scicluna, jerfa’ r-responsabbiltà politika għaliex qal li Malta ma tistax tistenna aktar għal azzjoni effettiva biex ma tkomplix issir ħsara lir-reputazzjoni tal-pajjiż.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament, il-kelliema għas-Servizzi Finanzjarji, Kristy Debono, iddeskriviet ir-reazzjoni tal-FIAU ghar-rapport bħala patetika u arroganti. Appellat biex l-FIAU tieħu azzjonijiet immedjati biex tibda tissewwa l-ħsara li saret lir-reputazzjoni ta’ Malta u lill-istituzzjonijiet li twaqqfu biex bnew l-industrija tas-servizzi finanzjarji fl-aħħar 30 sena.

Il-kelliem tal-Finanzi, Mario de Marco, qal li l-awtoritajiet Maltin naqsu bil-kbir u għalhekk insista li tintrefa’ r-responsabbiltà politika mill-Gvern Laburista li qal hu qrib is-sid tal-Pilatus li issa hu mixli b’ħasil ta’ flus anke fl-Amerika u allega li hemm x’juri li ħasel flus maħmuġin għal nies fil-Gvern.

Dr de Marco qal li r-responsabilità politika trid tintrefa’ b’mod speċjali mill-Ministru Edward Scicluna li, flok aġixxa biex ma ssirx ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta, kompla għarraqha b’kummenti inaċċettabbli fejn minflok attakka t-tixħim u l-ħasil tal-flus, attakka lil min kien dmiru jikxifhom, tant li min kixef tkeċċa.

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni qalu li f’pajjiżi serji, rapport bħal dak tal-Awtorità Bankarja Ewropea, jwassal għal riżenji immedjati u għal azzjoni biex Malta toħroġ mill-kollass li sofriet fir-reputazzjoni taghha fl-aħħar sentejn u nofs.

Ir-reazzjoni tal-Partit Laburista

Il-Partit Laburista min-naħa tiegħu qal li hi biss ix-xewqa tal-Partit Nazzjonalista li jirriżenja l-Ministru Edward Scicluna, li qal lagħab parti kruċjali biex Malta għandha surplus flok defiċit u tkabbir ekonomiku.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li bis-saħħa tal-Ministru Scicluna, ir-reputazzjoni ta’ Malta hija b’saħħitha.  Fakkar li fl-aħħar xhur il-Ministru Scicluna stess ħa passi ġodda fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus bl-implimentazzjoni ta’ direttivi tal-Unjoni Ewropea u tfassil ta’ politika biex tiġġieled dawn il-fenomeni.

Dwar ir-reputazzjoni ta’ Malta, il-Partit Laburista qal li din ġiet ikkonfermata llum stess bit-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea u mill-għadd kbir ta’ kumpaniji ta’ fama internazzjonali li fl-aħħar ġimgħat għażlu Malta biex jibdew jew jespandu l-operat tagħhom.

Il-Partit Laburista qal li r-reazzjoni tal-kelliema Nazzjonalisti turi d-dagħdigħa negattiva tal-Partit Nazzjonalista li qed jogħrok idejh għal rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea.

Il-Partit Laburista qal li l-Bank Pilatus inġab Malta mill-ekx Ministru Tonio Fenech u l-proċess biex ingħata l-liċenzja sar mill-awtoritajiet maħtura fi Gvern Nazzjonalista. Żied jgħid li l-istituzzjonijiet Maltin ħadu passi iebsa kontra l-Bank Pikatus meta sar magħruf li s-sid tal-bank qed ikun akkużat fuq reati f’pajjiż ieħor.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: L-EBA twiddeb lill-FIAU dwar il-Bank Pilatus – l-FIAU ma taqbilx mal-konklużjoni tal-EBA

Aħbarijiet Oħra
Annimali

Grupp ta’ għaddasa li niżlu jgħoddsu f’Wied il-Għasri u Reqqa Point f’Għawdex ġew wiċċ imb’wiċċ ma’ skart mhux tas-soltu mormi fil-baħar. L-għaddasa sabu għadd ta’ ġlud tal-fniek mormijin fil-baħar. Bil-kurrent,…

Temp

L-Uffiċċju Metereoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed iwissi dwar riħ qawwi li se jaħkem il-gżejjer Maltin. Ir-riħ mit-Tramuntana għall-Majjistral ser ikun qawwi għal qawwi ħafna kultant fuq il-Gżejjer Maltin. Din…

Politika Lokali

Fi stqarrija, il-Gvern ta’ Malta qal li nnota d-dikjarazzjoni tal-familja Caruana Galizia wara r-riżultati tal-inkjesta fil-każ ta’ Egrant fuq allegazzjonijiet li oriġinalment għamlet Daphne Caruana Galizia. Il-Gvern qal li huwa…

Aktar