Politika
Il-politika bla pjan tal-Gvern qed toħloq diffikultajiet f’bosta setturi – il-Kap tal-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li qed jiżdiedu l-impjiegi li ma jħallsux pagi tajbin minħabba li l-Gvern għażel li jkabbar l-ekonomija billi jżid il-popolazzjoni minflok il-produzzjoni. F’attività politika fl-Imsida, Dr Delia qal li l-politika bla pjan tal-Gvern qed toħloq diffikultajiet f’bosta setturi u tikkuntrasta mal-bidla pożittiva li ġab fil-pajjiż il-Partit Nazzjonalista għax kellu pjan fit-tul.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li l-politika tal-gvern qed toħloq diffikultajiet f’bosta setturi għax m’għandux pjan fit-tul. Dr Delia qal li t-tkabbir tal-ekonomija biż-żieda fil-ħaddiema barranin, qed tħalli lill-ħaddiema Maltin vittmi taċ-cheap labour li qal qed jgħolli rasu.

Fl-Imsida, Dr Delia qal li dan jikkonfermawh diversi rapporti fosthom tal-Fond Moneterju Internazzjonali li qal qed jgħidu li l-ħaddiema barranin qed iżommu l-pagi baxxi. Dr Delia qal li filwaqt li ċ-cheap labour qed jiżdied, qed jiżdiedu wkoll il-prezzijiet tal-aktar affarijiet bażiċi. Qal li dan qed iwassal biex iktar persuni jersqu lejn il-faqar.

Il-Kap Nazzjonalista qal li vittma oħra tal-politika tal-Gvern huma ż-żgħażagħ li qal qed isibuha diffiċli biex jibdew familja minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà u tal-kirjiet. Żied jgħid li kawża ta’ hekk, iż-żgħażagħ qed isibuha diffiċli biex jissellfu l-flus biex jixtru proprjetà. Wera l-fehma li dan qed iwassal biex aktar żgħażagħ jitilqu minn Malta.

Dr Delia qal li n-nuqqas ta’ viżjoni fil-politika tal-gvern wasslet biex studenti qed jitgħallmu f’dawk li sejjaħ kontejners. Dwar l-Iskola Primarja tal-Imsida, Dr Delia akkuża lill-Gvern li ħalliha magħluqa għal sentejn bil-konsegwenza li tellef opportunità ta’ tagħlim lit-tfal fil-lokalità.

Dr Delia qal li n-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern wassal ukoll biex l-anzjani mhux ilaħħqu mal-ħajja u jaslu sal-aħħar tax-xahar. Żied li l-kwalità tal-ħajja tan-nisa marret lura għax qal li dawn qed jaqilgħu 11% inqas mill-irġiel għall-istess xogħol. Huwa qal li l-Għawdxin ukoll intlaqtu bil-politika bla pjan tal-Gvern għax mhux qegħdin jiġu kkonsultati. Qal li l-Għawdxin ġew imwiegħda ħafna u ma sar xejn.

Il-Kap Nazzjonalista qal li mietu 567 persuna minħabba t-tniġġis fl-arja. Qal li għalkemm il-karozzi qed jiżdiedu b’900 fix-xahar, il-Gvern m’għandux soluzzjoni għat-traffiku u spiċċa biex għolla s-sisa fuq il-petrol u d-diesel.

Dr Delia qal li fil-ġimgħat li ġejjin il-poplu se jkollu okkażjoni biex juri lill-Gvern Laburista li l-politika tiegħu qed toħloq problemi f’bosta setturi u li dan il-pajjiż jista’ u għandu jitmexxa aħjar. Qal li l-poplu jista’ jagħti dan is-sinjal billi jgħid le għall-politika bla pjan tal-Gvern.

 

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Charlie, il-kelb tad-Dwana, irnexxielu jxomm u jaqbad passiġġier Yemeni li kien qed iġorr €14,064 fi flus mhux dikjarati. Il-passiġġier kien qed jistenna t-titjira tiegħu lejn l-Istanbul meta twaqqaf mill-uffiċjali tad-Dwana. Bis-saħħa…

Kronaka

Tifel sofra xi ġrieħi wara li ntlaqat minn vettura f’Ħal Qormi. L-inċident seħħ għall-ħabta tan-12.30 fi Triq Manwel Dimech. Minn tagħrif li għandu TVM jirriżulta li t-tifel ittajjar minn karozza…

Kronaka

Sid ta’ karozza qed iwissi lil ħaddieħor biex isakkar il-vetturi  tiegħu wara li ġie misruq minn mara li nqabdet b’filmat tiftaħ u tħarbex f’i ħwejjeġ ħaddieħor. Fil-filmat, il-mara tidher qed tiftaħ…

Aktar