Il-Pollakk li allega li l-ħabs hu mimli droga jintbagħat 23 xahar ħabs

Ir-raġel Pollakk li l-ġimgħa l-oħra allega li mad-90 fil-mija tal-piġunieri fil-ħabs jieħdu d-droga, ingħata sentenza ta’ 23 xahar ħabs wara li nstab ħati t’attentat agravat ta’ serq.

Fis-6 t’Awwissu, Januariusz Cholaszczynski ta’ 53 sena ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u talab lill-Qorti biex ma tibgħatux il-ħabs għax skont hu l-faċilità korrettiva ta’ Kordin ma sservix ta’ detterent għall-priġunieri u hu jibqa’ ma jirriformax ruħu.

Aktar minn hekk huwa allega li l-ħabs huwa mimli droga u li 90 fil-mija tas-700 priġunier jieħdu d-droga.

L-allegazzjonijiet tal-Pollakk waslu fost oħrajn biex il-Minsitru tal-Intern Manwel Mallia jordna li jsiru testijiet tal-awrina.

Minn 200 test li sar, tlieta biss irriżultat pożittivi għal sustanzi lleċiti.

Fl-għoti tas-sentenza l-bieraħ, il-Maġistrat Aaron Bugeja sab lill-Pollakk ħati fost oħrajn ta’ serq aggravat u li sar reċediv u kkundannah għal 23 xahar ħabs.