Il-pont ta’ erba’ snin jagħlaq għal tliet xhur għal manutenzjoni estensiva

Il-pont tal-breakwater reġa’ jinsab magħluq għall-pubbliku. Inqas minn erba’ snin mill-inawgurazzjoni tal-proġett, se jkollu jsir xogħol estensiv ta’ manutenzjoni fuq il-pont li mistenni jieħu sa Settembru biex jitlesta.

Mal-elementi tan-natura ma tilgħabx!! Jekk hemm ħtieġa ta’ eżempju għal dan, biżżejjed titwila lejn il-pont tal-breakwater. Evidenti s-sadid u l-ħsara fl-injam fil-wiċċ tal-pont li minn fuqu kienu jimxu n-nies. Kollha effetti tar-raxx kontinwu tal-baħar, il-mewġ li jħabbat bil-qawwa ma’ taħt il-pont u mewġ ieħor li saħansitra jirkeb għal fuq il-pont. Għaldaqstant, il-ħtieġa ta’ manutenzjoni, b’kelliem għal Transport Malta jgħid li x-xogħlijiet jinvolvu spezzjoni u manutenzjoni taż-żebgħa u tal-injam kemm minn fuq kif ukoll minn taħt. Ikkonferma li l-manutenzjoni hi riżultat tal-ħsara li saret mill-element imma wkoll minn xi vandaliżmu u serq. Il-pont tal-ħadid hu twil 70 metru, jiżen 190 tunellata u jinsab disa’ metri ‘il fuq minn wicc il-baħar.

Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni bdew fil-jiem li għaddew u mistennija jieħdu madwar tliet xhur. Għalkemm biex isir ix-xogħol l-aċċess għall-pubbliku fuq il-pont ser ikun magħluq, il-kelliem ta’ Transport Malta qal li se jsir sforz biex meta jkun possibbli l-pont jinfetaħ f’fażijiet, skont l-andament tax-xogħol, biex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi l-veduti tal-anqas minn parti mill-pont. Ikkonferma li la jitlesta x-xogħol il-pont kollu se jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku.

Il-pont tpoġġa f’postu fl-2011 wara li nħadem f’funderija Spanjola. Il-proġett kien sewa aktar minn €2.5 miljun. tvm.com.mt staqsa lill-awtorità hix tikkunsidra tieħu passi kontra l-kumpanija li kienet għamlet ix-xogħol. Dan anke fl-isfond tal-fatt li għal darbtejn tul is-sena li għaddiet l-pont kien ġarrab ħsarat f’maltempati. Il-kelliem għal Transport Malta qal li l-pont għadu taħt garanzija u l-kuntrattur mistenni jimplimenta miżuri li jnaqqsu ħsara spissa li ma kinitx mistennija waqt li se jitranġaw xi difetti. Assigura li Transport Malta tieħu kull azzjoni li tista’ skont il-kuntratt. Spjega li x-xogħol se jsir mill-kuntrattur li pprovda l-pont bl-ispejjeż marbuta mal-garanzija u l-obbligi tal-kuntrattur huma spejjeż li jrid jagħmel tajjeb għalihom hu. Żied jgħid li Transport Malta se tidħol għall-ispejjeż relatati mal-vandaliżmu u s-serq. L-awtorità qalet li kellha żżid is-sigurtà permezz ta’ rondi aktar spissi, moniteraġġ b’kameras tas-sigurtà u miżuri oħra biex tnaqqas il-possibilita’ ta’ serq u vandaliżmu.