Storja
”Il-poplu Malti kien issorprenda lill-Kavallieri” – anniversarju ta’ sajf imdemmi

Is-sajf tal-1565 kien fost l-iktar imqallbin fl-istorja ta’ Malta. F’Lulju ta’ dik is-sena, il-Maltin kienu maqbuda fil-morsa tal-Assedju l-Kbir u għaż-żewġ naħat, il-Kavallieri fuq naħa u l-Ottomani fuq naħa oħra, kienet logħba tal-imħuħ – bir-rebħa u t-telfa tista’ tmur naħa jew oħra.

Il-kotba tal-istorja ftit jagħmlu ġustizzja mal-Maltin li għexu u tqabdu għal arthom fl-Assedju l-Kbir tas-sajf tal-1565. Iżda l-ħila, il-qlubija u l-ħeffa tagħhom kienet kruċjali biex din it-taqbida kontra l-Ottomani tintrebaħ. Il-prezz kien għoli. Intilfu ħafna ħajjiet u dawk li baqgħu għexu żminijiet ta’ tbatija biex reġgħu ġew fuq saqajhom. Ir-riċerkatur tal-istorja Mario Coleiro jgħid li l-parti l-kbira tad-difiża tal-Ordni kienet magħmula mill-Maltin.

”Il-poplu Malti kien issorprenda lill-Kavallieri għax għall-ewwel ħasbu li l-Maltin ma kienux se jiġġieldu. Però trid tqis li l-Kavallieri kull ma kellhom kienu 900 kavallier u s-suldati merċernarji tagħhom, imma l-massiċċ tal-forza tad-difiża kienu l-Maltin li ddefendew arthom għax kienu jafu li jekk jintilef l-assedju kienu jispiċċaw ħażin.”

Kienet logħba tal-imħuħ bejn il-Gran Mastru De Valette u l-Ottomani li ntlagħbet bħal daż-żmien 455 sena ilu. L-Imperu Ottoman kien għadu kif rebaħ il-forti Sant’ Iermu u seta’ jdaħħal il-flotta tiegħu sal-port ta’ Marsamxett fejn tellgħu l-bċejjeċ tal-baħar l-art u niżżluhom il-Menqa fil-Marsa. Minn hemm beda l-attakk bla rażan fuq l-Isla u l-Birgu.

”Fejn qegħdin bħalissa aħna fil-Belt kienet għadha ma teżistix u fuq din l-għolja li kien l-ogħla post il-batterija tal-Ottomani fetħet ukoll attakk qawwi b’saħħtu fuq l-ibliet tal-Isla u l-Birgu.”

Il-Kavallieri u l-Maltin kienu mdawrin minn kullimkien imma De Valette, li kellu l-ispiji fost l-Ottomani, xerred ix-xniegħa li ġejja l-għajnuna minn Sqallija.

”Kienet il-kavallerija tal-Imdina li niżlet u attakkat il-kamp tat-Torok fil-Marsa u dawn ħasbu li waslet l-għajnuna minn Sqallija u kellhom jirtiraw meta kienu kważi waslu biex jieħdu l-Isla.”

Lil hinn mir-rakkonti dwar x’ġara fix-xhur tas-sajf tal-1565 – aktarx l-aktar wieħed imdemmi fl-istorja ta’ Malta – huma l-effetti li l-assedju ħalla fuq l-istorja ta’ Malta, li serva bħala ż-żerriegħa li minnu nibtet Malta ġdida.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Għandu 67 sena, u flimkien ma’ missieru sa minn ċkunitu trabba b’passjoni kbira għal trakkijiet militari Amerikani u Ingliżi, u inġenji oħra fosthom magni tal-ajruplani. Michael Cachia jqatta’ ħinu jibni…

COVID-19

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji qalet li l-aġenti u l-operaturi tal-ivvjaġar qegħdin jiffaċjaw diffikultatjiet biex joħorġu r-rifużjonijiet minħabba li l-kumpaniji turistiċi mhumiex qegħdin jibagħtulhom l-flus lura tal-vjaġġi u pakketti tal-ivjaġġar…

Immigrazzjoni

Għaxar t’ijiem wara s-sejħa tal-espressjoni għal bastiment biex fuqhom ikunu iżolati immigranti irregolari, Television Malta jinsab infurmat li l-Gvern irċieva mal-15 il-offerta. Is-sejħa ngħalqet f’nofsinhar tat-Tnejn li għadda u issa…

COVID-19

Bl-għan li jkun ta’ spalla għal negozji fid-dawl tar-realtajiet ekonomiċi tal-pandemija l-Bank Malti ta’ Żvilupp introduċa inizjattiva biex negozji żgħar li jitolbu self lill-banek ma jkollhomx bżonn jipprovdu garanziji personali…

Aktar