Unjoni Ewropea
“Il-poplu Malti magħqud jista’ jikseb ħafna fl-UE” – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal matul il-15-il sena ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, Malta kisbet suċċess għax għarfet issarraf l-opportunitajiet li kellha u rnexxielha tindirizza bl-aħjar mod possibbli l-isfidi li ffaċċjat matul is-snin.

F’laqgħa f’Varsavja, il-Prim Ministru Muscat kien fost l-10 mexxejja Ewropej li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-2004 u matulha ddiskutew l-esperjenza ta’ dawn il-15-il sena li għaddew. Matulha, huwa saħaq li s-suq uniku kien l-iktar ħaġa pożittiva fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li enfasizza fuq il-ħtieġa li l-Ewropa tkun iktar miftuħa.

Matul dawn is-snin, Malta bbenefikat minn madwar ftit inqas minn żewg biljun ewro f’fondi Ewropej, kif ukoll titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin b’diversi inizjattivi li ttieħdu f’oqsma varji.

Bit-tema ‘Flimkien għall-Ewropa’, il-mexxejja tal-10 pajjiżi li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea 15-il sena ilu, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, kellhom laqgħa għolja f’Varsavja li matulha qasmu l-esperjenza tagħhom sa mill-ikbar tkabbir li qatt sar fl-istorja tal-proġett t’integrazzjoni Ewropea.

Mal-wasla tiegħu, Dr Muscat ingħata merħba mill-Prim Ministru Pollakk Mateusz Morawiecki fil-Kastell Irjali f’Varsavja fejn saret il-laqgħa ta’ ġurnata li matulha l-mexxejja tkellmu dwar il-kisbiet li għamlu flimkien u x’inhuma l-prijoritajiet tagħhom għaż-żmien li ġej. Dr Muscat saħaq li s-suq uniku (single market) kien l-iktar li rrenda riżultati pożittivi lill-Unjoni Ewropea, filwaqt li enfasizza fuq il-ħtieġa li l-Ewropa tkun iktar miftuħa b’mod speċjali fejn jidħol il-kummerċ.

F’kummenti lil TVM, il-Prim Ministru Muscat esprima ruħu sodisfatt bi sħubija.

“Il-poplu Malti magħqud jista’ jikseb ħafna u ħafna. Naħseb li nfetħu opportunitajiet imma trid tkun inti biex tagħmel l-aħjar minnhom” qal il-Prim Ministru.

Dr Muscat qal li biex tkun suċċess fl-Unjoni Ewropea, trid taħdem għaliha ta’ kuljum. Irrefera wkoll għall-kuxjenza soċjali li għandha turi l-Ewropa biex tindirizza l-problemi li qed jiffaċċjaw in-nies.

Joseph Muscat qal “xogħolna huwa li mhux noqogħdu nwaħħlu fl-Unjoni Ewropea imma li nbiddlu l-affarijiet u naraw li l-Ewropa tibqa’ tkun qrib in-nies biex Malta tibqa’ tkun suċċess.”

Matul dawn il-15-il sena, Malta kisbet mal-€1.7 biljun f’fondi Ewropej, li ntefqu għat-tisħiħ tal-infrastruttura, l-ambjent, it-turiżmu, is-saħħa, l-intrapriżi u r-riżorsi umani fost affarijiet oħra. Għall-ġejjieni ta’ Malta fl-UE, il-Prim Ministru esprima ruħu pożittiv.

Il-Prim Ministru qal “nistgħu nkunu mhux biss membru fl-Unjoni Ewropea imma l-aqwa fl-Ewropa. Aħna l-iżgħar stat membru imma l-ideat m’għandhomx x’jaqsmu mad-daqs tal-pajjiż imma mas-saħħa tagħhom.”

Kien fl-1 ta’ Mejju 2004, meta r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja, Ċipru u Malta, issieħbu fl-Unjoni Ewropea. Il-Polonja kienet l-ikbar pajjiż membru fost l-10 stati ġodda u Malta l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

L-istudenti fl-iskejjel sekondarji tal-Gvern li għażlu suġġetti vokazzjonali, minn Settembru li ġej se jibda jkollhom il-lezzjonijiet minn klassijiet li ngħataw bixra differenti għax ġew mgħammra b’apparat li jixbah dak li…

Agrikultura

Deskritt bħala wieħed mill-ifjen żjut minn esperti u chefs magħrufa internazzjonalment, fosthom Jamie Oliver, iż-żejt taż-żebbuġa Malti għandu karatteristiċi partikulari li jiddistingwuh. Sejbiet arkeoloġiċi juru li elfejn sena ilu, ir-Rumani…

Kultura

Niċċa bi statwa devota tar-Redentur, fit-triq għal Marsaxlokk, se tiġi restawrata. Ix-xogħol se jsir mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u għandu jitlesta sal-aħħar tas-sena. Il-Perit…

Annimali

Numru ta’ kuċċiera qalu li qegħdin jikkunsidraw li jiftħu kawża fil-Qorti biex ireġġgħu lura l-avviż legali li bih ma jistgħux jaħdmu bil-karrozzin bejn is-siegħa u l-erbgħa ta’ waranofsinhar f’Lulju u…

Aktar